Navigate Up
Sign In

REAZZJONI POŻITTIVA GĦALL-FTEHIM MILĦUQ ILBIERAĦ BEJN IL-GVERN U L-KORPI KOSTITWITI

Numru ta' Referenza: PR151543, Data ta' l-Istqarrija : Jul 03, 2015
 
 
Matul il-jum il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima rċieva għadd ta’ reazzjonijiet pożittivi, anki minn operaturi privati, dwar il-ftehim milħuq ilbieraħ bejn il-Gvern u l-korpi kostitwiti rigward il-bidu tat-tneħħija tal-ekokontribuzzjoni u l-implimentazzjoni għall-ewwel darba ta’ Direttiva Ewropea dwar l-Immaniġġjar tal-Iskart Elettriku u Elettroniku (WEEE). 
 
Fil-konferenza tal-aħbarijiet tal-bieraħ fost dawk li wieġbu pożittivament għall-ftehim milħuq, u li raddilhom ħajr il-Ministru Leo Brincat għas-sehem sħiħ li taw fil-proċess ta’ konsultazzjoni, kien hemm il-Green MT fejn il-Kap Eżekuttiv tagħhom Joe Attard spjega li l-kumpanija Green MT se tħaddem Skema Awtorizzata għall-ġbir u r-riċiklaġġ ta’ tagħmir elettriku u elettroniku, bl-isem ta’ WEEE Malta. 
 
“L-iskema WEEE Malta ġġib magħha esperjenza twila f’dan il-qasam biex tkun tista’ tara li l-membri tagħha f’dan is-settur ikunu konformi mal-Avviż Legali Num. 204 tal-2014 u l-emendi se jidħlu fis-seħħ wara ftehim mal-Gvern,” tenna l-Kap Eżekuttiv tal-Green MT.