STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR | Sitt proġetti ambjentali ġodda ffinanzjati mill-ERA
Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR | Sitt proġetti ambjentali ġodda ffinanzjati mill-ERA

Reference Number: PR220333mt, Press Release Issue Date: Mar 09, 2022
Sitt proġetti ambjentali ġodda ffinanzjati mill-ERA
​L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, investiet €500,000 f’sitt proġetti ambjentali permezz ta’ sejħa bl-isem ta’ Better Environment in our Local Urban Spaces (BELLUS).
 
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia flimkien mal-Aġent Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Għall-Ambjent u r-Riżorsi s-Sur Kevin Mercieca.
 
Il-Ministru spjega li l-proġetti ġew evalwati skont l-effetti li dawn se jħallu fuq l-ambjent u l-komunità. Il-Ministru Farrugia tenna li l-gvern qed ikompli jinvesti kemm fl-ambjent naturali u kif ukoll dak rurali tal-gżejjer Maltin, filwaqt li jagħti prijorità lill-benesseri u l-kwalità tal-ħajja tal-familji kollha. “Proġetti ħodor, speċjalment dawk li huma innovattivi u sostenibbli, huma importanti aktar minn qatt qabel. Qed inkomplu ninvestu fin-nies u fil-futur, u qed nistiednu entitajiet pubbliċi u organizzazzjonijiet volontarji biex jingħaqdu magħna biex flimkien noħolqu Malta aħjar,” qal il-Ministru Farrugia.
 
Is-sitt proġetti magħżula għandhom x’jaqsmu ma’ titjib u restawr ambjentali f’żoni rurali u urbani f’diversi lokalitajiet. Dawn se jinvolvu proġetti ta’ tħaddir, proġetti edukattivi u ta’ ġestjoni ambjentali għall-benefiċċju tal-pubbliku, l-istudenti u l-ambjent. L-inizjattivi magħżula huma:
 
·              Fondazzjoni Don Bosco – Green Living Hub Malta – se jirrinovaw waħda mill-faċilitajiet tagħhom f’żona rurali u jibdluha f’ċentru tal-għajxien aħdar.
 
·              St John Rescue Corps - Riġenerazzjoni ta’ ġibjun – Fort Madliena – se tara r-restawr tal-ġibjun tal-Ilma ta’ Fort Madliena, manutenzjoni tal-kanali tal-ilma u l-bjar biex jiżguraw il-fluss ħieles tal-ilma tax-xita fil-ġibjun.
 
·              MCAST – Green Access – se jara l-installazzjoni ta’ saqaf aħdar estensiv ta’ 300 metru kwadru fuq il-bini l-ġdid taċ-Ċentru tar-Riżorsi tal-MCAST.
 
·              Kunsill Lokali Żejtun – Tisbiħ ta’ Ġebel San Martin Ring Road u r-restawr tal-ħitan tas-sejjieħ – se jara t-tisbiħ ta’ Ġebel San Martin Ring Road u restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ biex jippreservaw l-ilma fil-ġibjuni li jinsabu fil-viċinanzi, jipprevjenu l-erożjoni u l-għargħar tal-ħamrija, jipproteġu l-bijodiversità u jinkludu wkoll l-installazzjoni ta’ bankijiet, bins u dwal tat-toroq.
 
·              Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti – KATTAR: Sforz kollettiv għal ambjent reżiljenti – se tiffoka fuq il-propagazzjoni ta’ siġar, arbuxelli u pjanti lokali f’mixtliet eżistenti fil-Buskett. Inizjattiva li se toħloq kuxjenza permezz tal-involviment tal-pubbliku fit-tħawwil hands-on u l-provvista ta' żerriegħa liċ-ċittadini interessati b’mod ikkontrollat. Dan il-proġett se jara wkoll it-tqassim ta’ materjal tat-tħawwil u pjanti lill-membri tal-FKNK u lill-Kunsilli Lokali fil-Punent u fit-Tramuntana ta’ Malta.
 
·                Kulleġġ Santu Wistin – Ecology education @ St Augustine College – se tindirizza r-riġenerazzjoni tal-ġnien tal-Pietà tal-Kulleġġ Santu Wistin (imsejjaħ ukoll Ġnien Cassiciacum), flimkien ma’ żewġ żoni oħra fuq il-bejt biex possibbilment jinbidlu f’roof gardens, bl-għan li tinvolvi u titqajjem kuxjenza ambjentali fost l-istudenti.
 
L-Aġent Kap Eżekuttiv tal-ERA s-Sur Kevin Mercieca qal li, “Il-proġett BELLUS għandu l-għan li jservu bħala katalist biex jippromwovu t-titjib tal-kundizzjonijiet ambjentali nazzjonali, l-għarfien u l-benesseri, li jressqu n-natura aktar viċin l-ilbliet u l-irħula tagħna permezz ta’ inizjattivi ħodor u inizjattivi b’attivitajiet immirati biex jimplimentaw aktar spazji ħodor fiż-żoni pubbliċi ta’ pajjiżna.