STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR | Skart tal-kostruzzjoni u t-twaqqigħ: it-triq ’il quddiem
Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR | Skart tal-kostruzzjoni u t-twaqqigħ: it-triq ’il quddiem

Reference Number: PR211871mt, Press Release Issue Date: Oct 09, 2021
Skart tal-kostruzzjoni u t-twaqqigħ: it-triq ’il quddiem
​Wara proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, l-Istrateġija tal-Iskart tal-Kostruzzjoni u t-Twaqqigħ għal Malta (2021-2030) qed tiġi adottata mill-Gvern. 
 
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia flimkien mad-Deputat Direttur tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) Kevin Mercieca. 
 
L-iskart tal-kostruzzjoni u t-twaqqigħ (C&D) huwa l-akbar skart fl-UE li jirrappreżenta madwar terz tal-iskart kollu ġġenerat. Minħabba dan, l-UE rrikonoxxiet il-ħtieġa għal titjib fil-kwalità tar-riċiklaġġ u l-irkupru ta’ dan l-influss ta’ skart u żiedet id-domanda għall-materja prima u sekondarja. 
 
Il-Ministru qal li din l-istrateġija tfasslet mill-ERA b’kollaborazzjoni mal-Ministeru biex tindirizza dan l-influss ta’ skart, biex pajjiżna jkompli miexi lejn ekonomija aktar ċirkolari. 
 
“L-istrateġija għandha l-għan li tindirizza b’mod ħolistiku l-kwistjonijiet attwali fi ħdan is-settur kif ukoll tenfasizza l-miżuri fl-immedjat kif ukoll dawk fit-tul li jistgħu jiġu adottati biex nitbiegħdu mill-prattika tal-irdim u nimxu lejn l-użu tar-riċiklaġġ. Din l-istrateġija mutur li se jmexxina lejn bidla fil-kultura u fl-imġiba fix-xogħol ta’ tħaffir, twaqqigħ u kostruzzjoni. B’kuntrast għal gvernijiet preċedenti, li mhux biss abbużaw iżda fallew milli jirregolaw settur importanti, dan il-gvern qed jieħu deċiżjonijiet kuraġġużi u jagħti r-riżultati li l-poplu jistenna,” qal il-Ministru Farrugia. 
 
L-istrateġija tidentifika erba’ oqsma li huma kruċjali għall-immaniġġjar tal-iskart tal-kostruzzjoni u t-twaqqigħ:
 
1. Ippjanar u disinn: Mira lejn l-industrija tal-kostruzzjoni b’miżuri speċifiċi li għandhom l-għan li jindirizzaw il-problema fis-sors permezz ta’ twaqqigħ u bini sostenibbli;

2. Immaniġġjar tal-iskart: Jelenka miżuri speċifiċi biex itejbu il-loġistika tal-iskart kemm fis-sit tal-iżvilupp kif ukoll barra mis-sit;

3. Immaniġġjar tal-Kwalità: Tiffoka fuq miżuri biex tiżdied il-fidjuċja fil-prattiċi tal-immaniġġjar tal-iskart tal-C&D kif ukoll it-titjib tal-kwalità tal-materjali riċiklati tal-C&D;

4. Qafas politiku u regolatorju: Jittratta t-titjib fil-politika u l-kundizzjonijiet biex tinkiser ir-rabta bejn l-iżvilupp u l-ġenerazzjoni tal-iskart. 
 
L-istrateġija se tikkonsisti f’numru ta’ miżuri ewlenin li se jitwettqu matul is-snin.
 
Il-miżuri jinkludu:
 
1. Twaqqif ta’ standards għall-industrija tal-kostruzzjoni

2. Introduzzjoni ta’ qafas regolatorju ġdid li jindirizza l-immaniġġjar ta’ skart C&D

3. Titjib fil-klassifikazzjoni u separazzjoni tal-iskart mis-sors

4. Esplorazzjoni fir-rigward tat-twaqqif ta’ depożiti ta' rkupru u ħażna ta’ riżorsi biex tippromwovi infrastruttura ta' riċiklaġġ

5. Esplorazzjoni u identifikazzjoni ta’ mekkaniżmi biex tissaħħaħ l-implimentazzjoni tal-prinċipju li min iniġġes iħallas (PPP)

6. Miri ta’ użu mill-ġdid u riċiklaġġ

7. Infurzar ta’ rkupru permezz tar-restawr ta’ spazji vojta

 
“Bħala Gvern qed nappellaw lill-awtoritajiet kompetenti, u lill-partijiet interessati u rilevanti fl-industrija biex jimpenjaw ruħhom għall-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija. Il-parteċipazzjoni tagħkom hija essenzjali għall-implimentazzjoni tagħha kif ukoll għall-viżjoni tagħna lejn tranżizzjoni ekoloġika u ekonomija ċirkolari,” qal il-Ministru Farrugia.