STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR - Investiment ta’ €250,000 fil-Park Nazzjonali tas-Salina
Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR - Investiment ta’ €250,000 fil-Park Nazzjonali tas-Salina

Reference Number: PR211635mt, Press Release Issue Date: Sep 07, 2021
Investiment ta’ €250,000 fil-Park Nazzjonali tas-Salina
​Fil-Park Nazzjonali tas-Salina se jsiru numru ta’ interventi li se jtejbu l-istat tal-park u jżidu l-aċċessibilità.
 
Il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia qal li dan l-investiment ta’ €250,000 minn Ambjent Malta jimxi id f’id ma’ numru ta’ proġetti ta’ restawr u ta’ riġenerazzjoni li għaddejjin madwar il-gżejjer tagħna.
 
Huwa spjega li għaddejjin diversi interventi fuq parks kif ukoll żoni naturali u siti Natura2000 biex itejbu l-istat ta’ konservazzjoni tal-ħabitati u tal-ispeċi kif ukoll biex itejbu ż-żoni rikreattivi u jagħmluhom aktar aċċessibbli għal kulħadd. Iż-żoni ta’ rikreazzjoni huma dawk li jagħmlu il-komunitajiet tagħna ħajjin - jipprovdu ambjent aħjar u jikkontribwixxu għal kwalità ta’ ħajja aħjar”, tenna l-Ministru Farrugia.
 
Ambjent Malta wettqet bosta proġetti ta’ manutenzjoni f’dan il-park inklużi l-manutenzjoni tal-ħitan tas-sejjieħ, it-tneħħija ta’ skart mormi fil-viċinanzi, it-tħawwil u ż-żbir tas-siġar.
 
L-interventi li qed jitħabbru jinkludu l-installazzjoni ta’ bankijiet tal-piknik ġodda u restawr ta’ dawk eżistenti, installazzjoni ta’ art tal-gomma ġdida u turf sintetiku, il-kostruzzjoni ta’ faċilitajiet sanitarji ġodda u r-restawr tal-monument ta’ John F. Kennedy. ​