STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR - Jinqabeż l-ogħla ammont ta’ materjal riċiklabbli pproċessat fl-istorja tal-WasteServ
Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR - Jinqabeż l-ogħla ammont ta’ materjal riċiklabbli pproċessat fl-istorja tal-WasteServ

Reference Number: PR211604mt, Press Release Issue Date: Sep 02, 2021
Jinqabeż l-ogħla ammont ta’ materjal riċiklabbli pproċessat fl-istorja tal-WasteServ
​L-2021 se tkun l-iktar sena produttiva għall-WasteServ f’termini ta’ materjal riċiklabbli minn mindu ġiet imwaqqfa fl-2002. 
 
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia waqt żjara fil-faċilità ta’ Sant’Antin f’Marsaskala. 
 
Hawn kellu l-opportunità li jirringrazzja lill-ħaddiema għall-prestazzjoni eċċellenti tagħhom hekk kif ġie proċessat l-ogħla numru ta’ materjal riċiklabbli meta mqabbel ma’ snin preċedenti. Il-Ministru Farrugia kellu wkoll l-opportunità li jara t-titjib li qed isir fl-operat li ffaċilita kisba bħal din.
 
Il-Ministru spjega li s-sena li għaddiet, il-WasteServ issimplifikat u ffukat l-operat tagħha u rnexxielha mhux biss tirkupra min-nirien tal-2017 iżda qabżet l-aqwa snin passati tal-WasteServ minn meta materjali riċiklabbli bdew jiġu pproċessati f’Malta. 
 
Stimi disponibbli sal-lum juru li għas-sena 2021, madwar 18,000 tunnellata ta’ materjal ta’ kwalità tajba se jiġu riċiklati u rritornati fl-ekonomija. Kisba bħal din hija saħansitra iktar impressjonanti meta wieħed iqis li l-investiment ta’ €500 miljun fil-proġett ġdid ECOHIVE għadu ma bediex iħalli frott.
 
F’termini ta’ tipi differenti ta’ materjali riċiklabbli, dawn iċ-ċifri jissarrfu f’madwar 5,500 tunnellata ta’ kartun u karta; 3,500 tunnellata ta’ metall; 7,000 tunnellata ta’ ħġieġ; u 2,000 tunnellata ta’ plastik.
 
Il-Ministru Farrugia qal li din hija konferma li l-Gvern qed jaħdem biex iwassal ambjent aħjar għall-ġenerazzjonijiet futuri. Qal ukoll li l-isforzi kbar li qed isiru flimkien mad-determinazzjoni murija qed jagħtu riżultati konkreti f’settur li ffaċċja staġnar għal numru ta’ snin u dan qed iwassal għal titjib qawwi u rapidu. Huwa qal li dan is-suċċess huwa dovut lill-mijiet ta’ ħaddiema fl-immaniġġjar tal-iskart li lejl u nhar qed jaħdmu biex imexxu dan is-settur ’il quddiem.
 
Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca qal li dawn il-kisbiet huma biss il-bidu u iktar titjib mistenni fis-snin li ġejjin. Bil-Pjan fit-Tul għall-Immaniġġjar tal-Iskart u bl-akbar investiment li qatt sar fl-immaniġġjar tal-iskart, il-WasteServ mistennija tkompli taqbeż dawn iċ-ċifri b’marġini sostanzjali. Huwa saħaq li t-teamwork u d-dedikazzjoni huma prova li riżultati inkoraġġanti jistgħu jinkisbu f’perjodu qasir ta’ żmien.
 
Is-settur tal-immaniġġjar tal-iskart f’Malta bħalissa għaddej minn perjodu ta’ tkabbir. Bħala pajjiż, mhux biss irnexxielna nipproċessaw numru rekord ta’ materjali riċiklabbli imma qed ninvestu wkoll f’infrastruttura robusta u pjan modern ta’ mmaniġġjar tal-iskart li jippermetti lill-pajjiż ibiddel l-iskart tiegħu f’riżorsi.