STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR - Titnieda kampanja kontra t-tniġġis tal-baħar
Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR - Titnieda kampanja kontra t-tniġġis tal-baħar

Reference Number: PR211096mt, Press Release Issue Date: Jun 08, 2021
pr211096a.jpg
​Għat-tielet sena konsekuttiva, il-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar qed iniedi l-kampanja Saving our Blue li mill-bidu nett tagħha kellha bħala qafas l-għan li tintensifika l-ġlieda kontra t-tniġġis tal-baħar u l-ambjent, b’mod partikolari t-tniġġis tal-plastik li jintuza darba biss. 
 
Dan ħabbru l-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia fil-Jum Dinji għall-Oċejani, jum li fih jiġi mfakkar il-bżonn li jiġu protetti l-ibħra, l-ispeċi ta’ ġo fihom u r-riżorsi li joffru.  
 
“Fil-fatt l-ambjent tal-baħar huwa wieħed partikolari fejn insibu diversi speċi, huwa sors ta’ ikel u mediċina għalina l-bnedmin, u joffri ukoll attività ekonomika importanti għas-sajjieda u għall-popolazzjonijiet mad-dinja kollha. Matul iż-żminijiet ta’ sfida tal-pandemija COVID-19, rajna ħafna jadottaw mod ta’ ħajja aħjar biex jippreservaw l-ambjent ta’ madwarhom. Rajna kif ħafna bdew jippruvaw jadottaw mudelli ta’ konsum aktar sostenibbli. Però jibqa’ l-fatt li l-plastik idum snin twal biex idub u allura l-effetti tad-drawwiet tagħna għadhom qed jagħmlu ħsara lill-ambjent u dan huwa ppruvat permezz tal-ammont ta’ skart tal-baħar fuq il-bajjiet u fil-baħar taghna”, qal il-ministru. 
 
Għalhekk din is-sena, il-kampanja Saving Our Blue ser tkun qed tiffoka l-iktar fuq il-ħsara li jagħmlu il-micro-plastics u l-importanza tal-ħarsien taż-żoni protetti tal-baħar (Marine Protected Areas). Ser tkompli tibni wkoll fuq ix-xogħol li twettaq qabel, liema xogħol ser ikun qed iservi ta’ bażi għall-inizjattivi li jmiss.
 
“Ma nistax ma nsemmix legiżlazzjoni importanti li ġiet introdotta din is-sena għal projbizzjoni tal-importazzjoni tas-single-use plastics, li ġiet fis-seħħ minn Jannar tas-sena 2021.  Waqt li f’Jannar tas-sena 2022 din se tkun segwita bil-projbizzjoni tal-bejgħ u d-distribuzzjoni tas-single-use plastics fis-suq lokali”, qal il-ministru, filwaqt li spjega li l-leġiżlazzjoni hija pass importanti fid-direzzjoni li tnaqqas id-dipendenza tagħna fuq il-plastiks li jintużaw darba biss u biex tħeġġeġ l-iżvilupp ta’ prodotti alternattivi b’materjali sostenibbli. 
 
Huwa importanti, għalhekk, li l-pubbliku u s-settur kummerċjali jibda t-tranżizzjoni tiegħu lejn il-projbizzjoni imminenti tas-single-use plastics. “Ser inkunu qed naħdmu mas-setturi kummerċjali u dawk tan-negozju, sabiex nippromwovu l-iżvilupp ta’ miżuri ambjentali ikar sostenibbli, u li partikolarment jgħinu sabiex jonqos l-iskart li jispiċċa fil-baħar.”
 
Il-kampanja ser tkun qed timplimenta diversi clean-ups, din id-darba fuq numru ikbar ta’ bajjiet lokali, fosthom anke permezz ta’ clean-ups speċifikament iffukati fuq il-ġbir tal-macro-plastics u micro-plastics.
 
“Irridu nsiru iktar konxji dwar l-għażliet u l-azzjonijiet tagħna ta’ kuljum, u kif dawn jikkontribwixxu lejn it-tip u l-kwalità ta’ ħajja u ambjent li l-ġenerazzjonijiet tal-lum stess u dawk futuri għandhom jew ser ikollhom. Nemmen bis-sħiħ li kulħadd jista’ jkollu rwol importanti fit-tnaqqis ta’ plastik li jintuża darba biss. F’dan ir-rigward, nixtieq insejjaħ lis-soċjetà Maltija biex flimkien nagħmlu l-isforz neċessarju billi nirrikorru għal għazliet iktar konxji fil-ħajja ta’ kuljum fejn jidħol l-użu tal-plastik. Apparti l-prevenzjoni tal-użu tal-plastik, huwa importanti li tittieħed ukoll azzjoni”, qal il-Ministru Farrugia.