STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR : Jitħabbar ċentru ġdid ta’ informazzjoni kulturali u riabilitazzjoni għall-falkunerija fil-Buskett
Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR : Jitħabbar ċentru ġdid ta’ informazzjoni kulturali u riabilitazzjoni għall-falkunerija fil-Buskett

Reference Number: PR211027mt, Press Release Issue Date: May 29, 2021
Jitħabbar ċentru ġdid ta’ informazzjoni kulturali u riabilitazzjoni għall-falkunerija fil-Buskett
​Ċentru interattiv u ta’ informazzjoni fil-Buskett se jservi bħala punt ta’ referenza dwar il-falkunerija fil-gżejjer tagħna u jospita programm ta’ riabilitazzjoni u introduzzjoni mill-ġdid għall-għasafar tal-priża.
 
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia li spjega li ċ-ċentru l-ġdid se jospita workshops tekniċi u taħdidiet edukattivi bil-għan li jippromwovi l-edukazzjoni dwar il-wirt kulturali u l-bijodiversità tagħna.
 
Iċ-ċentru, proġett tal-Malta Falconers Club (MFC) b’appoġġ ta’ Ambjent Malta, se jipprovdi esperjenza prattika lill-viżitaturi tal-Buskett kif ukoll informazzjoni dwar il-prattika antika tal-falkunerija u l-imġiba tal-għasafar tal-priża.
 
Il-ministru tenna li l-falkunerija llum hija sinonima mal-konservazzjoni u l-immaniġġjar tan-natura u kwistjonijiet edukattivi relatati, billi t-tekniki tal-falkunerija jintużaw ħafna fil-konservazzjoni u fir-riabilitazzjoni ta’ għasafar tal-priża – għal popolazzjoni mill-ġdid, tisħiħ jew introduzzjoni mill-ġdid.
 
Is-sit se jservi biex jistabbilixxi post ta’ referenza fuq livell nazzjonali li jippromwovi r-rakkonti storiċi tal-prattika tal-falkunerija u r-rabtiet qawwija tagħha mal-gżejjer Maltin matul is-sekli 16 u 17.
 
Il-ministru tkellem dwar effetti u użi sostenibbli oħra tal-falkunerija u spjega li din tista’ tnaqqas l-impatti negattivi ta’ ċerti attivitajiet tal-bniedem fuq l-abitat naturali, li twassal għal inqas kumpattar tal-art, modifika tal-abitat jew l-użu ta’ pestiċidi għall-kontroll tal-pesti. 
 
MFC se jimbarka wkoll fuq proġett biex jiġu riabilitati għasafar tal-priża u jiġu introdotti mill-ġdid speċi differenti fis-selvaġġ. “Il-klabb huwa wkoll involut f’inizjattivi ta’ kontroll tal-pesti biex jappoġġaw il-flora u l-fawna lokali u li jwassal għal ekosistema aħjar,” spjega l-President tal-MFC Lucas Micallef. “Il-biċċa l-kbira tal-falkuniera madwar id-dinja f’xi żmien kienu involuti fir-riabilitazzjoni ta’ għasafar tal-priża morda u midruba u programmi eventwali ta’ introduzzjoni ta’ dan l-ispeċi mill-ġdid. Permezz ta’ tekniċi diversi ta’ falkunerija, wieħed se jiżgura li mhux biss it-tjur ikunu jistgħu jtiru, iżda jkunu tajbin u kapaċi jikkaċċjaw b’mod indipendenti fin-natura qabel ma jinħelsu.”
 
Is-Sur Micallef spjega li se jsiru wkoll taħdidiet informattivi, laqgħat u seminars minn veterinarji, ornitoloġisti, akkademiċi u falkuniera dwar l-immaniġġjar u l-benesseri korrett u ż-żamma tal-għasafar tal-priża, kif ukoll workshops tekniċi għall-pubbliku ġenerali, u taħdidiet edukattivi u żjarat skedati għat-tfal u għall-istudenti. Se jkunu qed jittellgħu wkoll attivitajiet ta’ osservazzjoni ta’ tjur fil-perjodu migratorju tagħhom.