STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ISPORT, IR-RIKREAZZJONI U L-GĦAQDIET VOLONTARJI
Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ISPORT, IR-RIKREAZZJONI U L-GĦAQDIET VOLONTARJI

Reference Number: PR210992mt, Press Release Issue Date: May 26, 2021
Proġett akkwatiku ta’ €3 miljun se jitlesta fil-ħin għas-sajf
​Proġett akkwatiku ta’ €3 miljun se jitlesta fil-ħin għas-sajf 
 
Ix-xogħlijiet fuq faċilità state-of-the-art tal-isport akkwatiku fit-Tramuntana tal-gżira jinsabu fi stadju avvanzat u se jitlestew fil-ħin għall-istaġun tas-sajf.
 
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia u mis-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima.
 
Id-dettalji dwar ix-xogħlijiet, li għaddejjin ġmielhom ingħataw fuq il-post mill-Viċi President ta’ Sirens Aquatic Sports Club John Farrugia, fil-preżenza tal-Ministru u ċ-Chairperson tal-Kumitat għad-Development Planning Fund Vincent Cassar, kif ukoll il-President ta’ Sirens Aquatic Sports Club Carmel Vella.
 
Il-kumpless akkwatiku l-ġdid, fil-biċċa l-kbira tiegħu ffinanzjat mid-Development Planning Fund (DPF) tal-Awtorità tal-Ippjanar (PA), se jinkludi pixxina li hija t-tieni l-akbar f’Malta, pixxina għat-tagħlim tat-tfal u pixxina fuq ġewwa bi tliet korsiji biex jiġi żgurat li t-taħriġ jista’ jsir is-sena kollha.
 
Il-Ministru Farrugia spjega li l-flus għal dan il-fond ġejjin minn żewġ sorsi differenti: kemm mit-tariffi li żviluppatur jħallas meta l-parkeġġ fuq il-post ma jkunx previst meta jingħata permess ta’ żvilupp, kif ukoll b’persentaġġ mill-miżati relatati mal-applikazzjonijiet ta’ regolarizzazzjoni. Huwa qal li dawn il-fondi huma utilizzati, darba wara l-oħra, għal proġetti urbani, ambjentali, u soċjali li qed jagħtu lura lill-komunitajiet ta’ diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.
 
“Aħna qed naħdmu biex noħolqu ambjent abitabbli u komunitajiet kuntenti. Il-proġett mhux biss se jtejjeb iż-żona fi ħdan San Pawl il-Baħar, iżda iktar importanti minn hekk se jservi biex jilqa’ għad-domanda dejjem tikber li teżisti fir-reġjun tat-Tramuntana għal faċilitajiet sportivi akkwatiċi”, kompla l-ministru, filwaqt li żied jgħid li l-ambitu tad-DPF twessa’ s-sena li għaddiet biex jinkludi infrastruttura ħadra u blu. 
 
“L-għan tagħna huwa li nappoġġjaw proġetti li jtejbu l-ambjent urban tagħna u min-naħa l-oħra l-kwalità tal-ħajja tagħna, u dawk li jaqblu mal-viżjoni tagħna għall-ippjanar intelliġenti. Dan il-fond, li ġie riformat is-sena li għaddiet, jipprovdi lill-kunsilli lokali, NGOs, u oħrajn bl-appoġġ finanzjarju meħtieġ biex ikunu proattivi u jwettqu proġetti li huma mmirati biex itejbu l-benesseri, l-ambjent, u d-dimensjoni soċjali tal-bliet u l-irħula tagħna”, stqarr il-Ministru Farrugia.
 
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima saħaq li dan l-investiment juri kemm il-gvern huwa ta’ spalla għan-nies fil-komunitajiet sabiex jagħmel differenza fil-ħajja tan-nies.
 
“Din hija faċilità li se tħares l-isport akkwatiku u li se tagħti l-għodda neċessarja lill-atleti tagħna. Dan kollu sar għaliex aħna nemmnu li l-isport huwa parti essenzjali mill-ħajja tal-komunitajiet Maltin u Għawdxin”, sostna s-segretarju parlamentari.
 
“Aħna kburin li appoġġajna l-finanzjament u l-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett ambizzjuż, li sa ftit snin ilu kien biss ħolma. Dan il-proġett huwa prova li meta organizzazzjoni, bħas-Sirens Aquatic Sports Club, ikollha l-viżjoni u l-approċċ professjonali biex twettaq proġett fuq skala kbira li jservi l-komunità usa’, nistgħu ngħinuhom biex isarrfuha f’realtà”, qal Vincent Cassar, iċ-Chairperson tal-Kumitat għad-Development Planning Fund.
 
“Dan huwa l-ewwel proġett li għalih il-PA qed tipprovdi fondi li huma direttament assoċjati mal-isport. Għandna obbligu morali li nappoġġjaw proġetti u inizjattivi bħal dawn minħabba li dawn l-ispazji jipprovdu l-antidotu perfett biex ir-residenti, speċjalment iż-żgħażagħ li jgħixu fir-reġjun, ikunu konxji tal-benesseri fiżiku u mentali tagħhom”, temm jgħid is-Sur Cassar.
 
Siren’s ASC huwa wieħed mill-ikbar klabbs akkwatiċi f’Malta b’aktar minn 350 atleta (5-18-il sena) jikkompetu fuq livell nazzjonali u internazzjonali kemm fl-għawm kif ukoll fil-waterpolo.