STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR - Investiment ta’ madwar nofs miljun ewro fi Ġnien Belvedere
Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR - Investiment ta’ madwar nofs miljun ewro fi Ġnien Belvedere

Reference Number: PR210975mt, Press Release Issue Date: May 24, 2021
Investiment ta’ madwar nofs miljun ewro fi Ġnien Belvedere
​Se jsir titjib ambjentali sostanzjali fil-Ġnien Belvedere fil-Marsa, b’investiment ta’ madwar nofs miljun ewro.
 
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia li spjega li dan il-proġett qed isir mill-Kunsill Lokali tal-Marsa bl-appoġġ ta’ Ambjent Malta.
 
Diversi siġar u arbuxelli se jitħawlu fil-ġnien filwaqt li se jsir titjib ta’ ‘soft areas’, inkluż it-tneħħija ta’ veġetazzjoni mhux mixtieqa u l-installazzjoni ta’ sistema ta’ irrigazzjoni.
 
Il-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar se jipprovdi wkoll għamara għall-ġonna u se jieħu ħsieb ukoll l-installazzjoni tagħha – għamara bħal bankijiet u laned, flimkien ma’ aktar interventi li jinkludu t-tindif tas-sit, xogħlijiet ta’ tħaffir u l-kostruzzjoni ta’ ġibjun tal-ilma, xogħlijiet fuq il-mogħdijiet u pavimentar, l-installazzjoni ta’ tagħmir tad-dawl, tisbiħ, u għamara tat-triq.
 
Il-Ministru Aaron Farrugia qal li hemm benefiċċji kemm soċjali kif ukoll ekoloġiċi għall-ħolqien u t-titjib tal-ġonna fil-bosta żoni urbanizzati tagħna. “L-infrastruttura ħadra b’mod ġenerali ġġibna eqreb lejn l-ambjent naturali u trawwem sens ta’ identità u benesseri fil-komunità filwaqt li ġġib ukoll benefiċċji ambjentali u ekonomiċi għall-komunità. Il-Gvern qiegħed kontinwament jaħdem biex jimxi lejn infrastruttura aktar ekoloġika u pjanar aktar intelliġenti filwaqt li jkompli jtejjeb iż-żoni ħodor rikreattivi”, kompla l-ministru.
 
Tkellem ukoll dwar diversi proġetti ta’ tħaddir fl-urban li bħalissa għaddejjin f’lokalitajiet differenti, permezz ta’ skemi ta’ Ambjent Malta u l-Awtorità tal-Ippjanar. Semma l-popolarità akbar tal-ġonna vertikali u l-green roofs u l-impatti pożittivi li tali infrastruttura ġġib għall-estetika ta’ pajjiżna kif ukoll f’benefiċċji ambjentali u tas-saħħa.
 
Huwa mbassar li x-xogħlijiet fuq it-tisbieħ tal-Ġnien tal-Belveder se jkunu lesti f’sitt xhur.