Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR - Aktar investiment fi proġetti urbani għall-komunità

Reference Number: PR210768mt, Press Release Issue Date: Apr 23, 2021
Aktar investiment fi proġetti urbani għall-komunità
​Il-lokalità ta’ Marsaskala se jkollha bini amministrattiv ġdid li se jieħu post l-uffiċċji tal-kunsill lokali u joffri numru ta’ faċilitajiet għall-użu mill-komunità ta’ Marsaskala.
 
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia li spjega li l-bini l-ġdid, li se jkun f’post ċentrali, se jinbena grazzi għal investiment ta’ €530,000 mill-fondi tad-Development Planning Fund tal-Awtorità tal-Ippjanar.
 
Il-ministru spjega li l-bini amministrattiv il-ġdid ta’ żewġ sulari se jkun jinsab fil-pjazza ewlenija tal-lokalità, viċin il-Knisja Parrokkjali ta’ Marsaskala. “Permezz ta’ dan il-fond, qed niffinanzjaw proġetti intelliġenti għall-komunità. Wara r-riforma ta’ dan il-fond is-sena li għaddiet, issa ninsabu aktar iffukati fuq proġetti ambjentali u soċjali li se jtejbu l-benesseri u d-dimensjonijiet soċjali ta’ pajjiżna”, qal il-Ministru Farrugia.
 
Il-ministru spjega li dan il-fond jirċievi finanzjament minn sorsi differenti, bil-kontravenzjonijiet tal-parkeġġ ewlenin fosthom. Il-Planning Gain ukoll jifforma porzjon minn dan il-fond, fejn żviluppatur ta’ żvilupp ġdid imdaqqas jintalab jagħmel kontribuzzjoni finanzjarja għall-inkonvenjent ikkawżat fil-lokalità fejn iseħħ l-iżvilupp tagħhom. Il-kontribuzzjoni, għalhekk, tinżamm fil-lokalità biex tintuża fuq proġetti li jtejbu l-faċilitajiet tal-komunità u ż-żoni ħodor tagħha.
 
Iċ-Chairperson tad-Development Planning Fund, Vincent Cassar, qal li l-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala ilu jixtieq li dan il-proġett jitwettaq għal bosta snin. “Huwa bis-saħħa tad-Development Planning Fund tal-Awtorità tal-Ippjanar li din il-ħolma issa tista’ tiġi implimentata u mwassla b’mod effettiv għall-benefiċċju tal-komunità ta’ Marsaskala. Matul is-snin li għaddew, din il-lokalità rreġistrat wieħed mill-ogħla tkabbir tal-popolazzjoni u għalhekk huwa xieraq li l-kunsill lokali jkollu faċilità ġdida, moderna u aċċessibbli minn fejn jamministra u jipprovdi servizzi essenzjali għar-residenti tiegħu”, qal is-Sur Cassar. 
 
Huwa kkonkluda billi awgura lill-kunsill u lir-residenti tiegħu fuq dan l-aħħar proġett filwaqt li ħeġġeġ lil kunsilli lokali oħra biex iressqu l-proposti tagħhom. Id-Development Planning Fund tal-PA jipprovdi lill-kunsilli lokali u l-NGOs bl-appoġġ finanzjarju meħtieġ biex ikunu proattivi u jwettqu proġetti li huma mmirati biex itejbu l-benesseri, l-ambjent u d-dimensjoni soċjali tal-bliet u l-irħula tagħna.