Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTRU FL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU U MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR

Reference Number: PR210759mt, Press Release Issue Date: Apr 22, 2021
Earth Day: iktar minn 500kg ta’ skart miġbura waqt attivitajiet ta’ clean-ups
​Earth Day: iktar minn 500kg ta’ skart miġbura waqt attivitajiet ta’ clean-ups
 
Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar organizzaw numru ta’ clean-ups fl-okkażjoni ta’ Earth Day.
 
Inġabar ammont ta’ 505kg ta’ skart riċiklabbli kif ukoll skart imħallat u skart goff fosthom plastik, jablo, gerbub tal-injam u cigarette butts fiż-żoni ta’ Wied Qirda, Delimara, il-Buskett, id-Dwejra, u Għar Ħasan.
 
Il-Ministru Aaron Farrugia qal li l-ħarsien tal-ambjent kien fost l-aktar miżuri importanti fil-manifest elettorali. “Aħna mexxejna diversi inizjattivi għal dan l-għan u x-xogħlijiet għadhom għaddejjin, fosthom interventi biex nipproteġu l-wirt naturali tagħna inkluż tindif ta’ siti naturali bħal dak tal-lum. Implimentajna wkoll numru ta’ proġetti ta’ afforestazzjoni, ipproponejna żoni ġodda biex isiru siti Natura2000, żidna l-protezzjoni ta’ diversi żoni naturali u wettaqna proġetti ta’ restawr tal-abitati”, qal il-ministru.
 
“L-iktar dmir nobbli tagħna huwa dak li nipproteġu l-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri u nipproteġu l-pjaneta tagħna. Il-pandemija ġibditilna l-attenzjoni fuq dan kif ukoll it-theddida vera tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali li qed niffaċċjaw. Għal dan l-għan, qed naħdmu fuq diversi strateġiji u azzjonijiet biex nimxu lejn ekonomija b’żero karbonju. Proprju din il-ġimgħa, nedejna l-ewwel kampanja nazzjonali dwar it-tibdil fil-klima u dalwaqt se nippubblikaw il-Low Carbon Development Strategy”, ħabbar il-Ministru Farrugia. 
 
Il-ministru tkellem dwar diversi miżuri tal-manifest li waslu biex jitlestew, issa li l-gvern nieda l-pjan tiegħu għal strateġija tal-iskart fit-tul u ħabbar l-akbar investiment fl-immaniġġjar tal-iskart f’Malta. Il-ħtieġa għal entità responsabbli mis-siti tan-Natura2000 ġiet indirizzata wkoll permezz ta’ Ambjent Malta u kompliet tiġi trattata permezz ta’ xogħlijiet riċenti, proġetti u l-ingaġġ tal-gwardjani ambjentali.
 
Il-Ministru Carmelo Abela qal li huwa dmirna li nagħmlu dak kollu possibbli biex intejbu l-ambjent għax dinja b’saħħitha mhix għażla iżda bżonn bażiku. Għal dan l-għan, huwa qal li fl-ambitu tat-twettiq tal-manifest elettorali, il-gvern wettaq diversi miżuri biex ikompli jkun imħares l-ambjent fl-aħħar snin.
 
Il-Ministru Abela semma fost l-oħrajn id-dħul fil-Kostituzzjoni tal-obbligu mill-Istat li jissalvagwardja l-passaġġ u l-patrimonju storiku ta’ pajjiżna, l-obbligu li l-gvern jassigura l-impatt tal-politika u l-proġetti tiegħu fuq l-ambjent, it-tħawwil ta’ eluf ta’ siġar (iżjed minn 52,000 siġra bejn l-2018 u l-2020) kif ukoll it-tħawwil ta’ siġra għal kull wild ġdid. 
 
Il-Ministru Abela żied li minbarra dawn il-miżuri li twettqu kompletament fadal iżjed xogħol għaddej bħat-tnedija tal-istrateġija tal-Low Carbon Development 2050 marbuta mat-tibdil fil-klima kif ukoll ir-riġenerazzjoni u t-tisbiħ ta’ postijiet pubbliċi.
 
Fakkar li l-bżonn ta’ dinja aħjar se jkompli jieħu iżjed importanza fl-operat kollu tal-gvern għax dinja b’saħħitha twassal għal ħajja aqwa kemm għalina kif ukoll għall-ġenerazzjonijiet futuri.
 
Rappreżentanti mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), WasteServ u Ambjent Malta pparteċipaw ukoll f’dawn l-attivitajiet.