Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, L-IKEL U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI, MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ

Reference Number: PR210732mt, Press Release Issue Date: Apr 18, 2021
Imniedi proġett iffinanzjat minn fondi Ewropej favur il-bijodiversità
​Imniedi proġett iffinanzjat minn fondi Ewropej favur il-bijodiversità
 
Minħabba l-impatt negattiv sinjifikanti li l-Ispeċijiet Aljeni Invażivi (IAS) għandhom fuq il-bijodiversità tagħna, il-proġett FAST - Fight Alien Species Transborder huwa mistenni li jkompli jsaħħaħ l-azzjoni li qed tittieħed mill-gvern biex jitnaqqas dan l-impatt.
 
It-tnedija tal-proġett kienet indirizzata mill-Ministri Anton Refalo u Aaron Farrugia u mis-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi.
 
Il-Ministru Farrugia ħabbar li fl-2020 biss, madwar 100 tunellata ta’ speċijiet aljeni invażivi tneħħew fil-gżejjer Maltin. “Malta tikkunsidra l-IAS bħala kwistjoni importanti ħafna u ilha taħdem b’mod attiv lejn il-kontroll tal-IAS permezz ta’ diversi miżuri. It-tneħħija ta’ diversi speċijiet hija għaddejja f’azzjoni konġunta bejn l-ERA, Ambjent Malta, diversi NGOs u managers tas-siti”. 
 
“Il-prevenzjoni hija essenzjali fl-indirizzar ta’ speċijiet aljeni invażivi. Issa hemm sistema nazzjonali ta’ sorveljanza li tinkludi ħaddiema dedikati responsabbli għall-monitoraġġ fuq il-post kif ukoll skemi dedikati tax-xjenza taċ-ċittadini biex jappoġġaw is-sejbien u l-monitoraġġ bikri ta’ speċijiet aljeni invażivi. Il-proġett FAST huwa mistenni li jikkontribwixxi għall-kisba ta’ miri ewlenin fl-Istrateġija Nazzjonali ta’ Malta dwar il-Bijodiversità u l-Pjan ta’ Azzjoni kif ukoll għar-rekwiżiti tad-direttivi relevanti tan-natura tal-UE dwar il-prevenzjoni u l-immaniġġjar tal-introduzzjoni u t-tixrid tal-IAS”, qal il-Ministru Farrugia.
 
Il-Ministru Anton Refalo spjega li, “L-irwol tal-ministeru fil-proġett FAST se jimmira biex jikkontrobatti l-introduzzjoni, in-naturalizzazzjoni u t-tixrid tal-IAS li jagħmlu ħsara lill-bijodiversità fl-arċipelagu Malti billi tkun immirata u evalwata l-IAS f’siti ta’ Natura 2000. Isir kontroll u monitoraġġ fejn possibbli biex innaqqsu drastikament dawn l-ispeċijiet u jsir tkattir ta’ pjanti indiġeni li aktar tard jiġu mħawla fis-siti ta’ Natura 2000. Jinkitbu linji gwida u jiġu mfassla l-aħjar prattiċi biex tiġi evitata l-introduzzjoni ta’ IAS oħra. Fl-aħħar u mhux l-inqas ikun hemm enfasi fuq l-importanza fejn jidħlu l-edukazzjoni u l-promozzjoni fuq il-protezzjoni tal-ambjent”.
Il-Ministru Refalo qal ukoll li, “Il-ministeru se jaħdem id f’id mal-Università ta’ Malta bħala sieħeb ewlieni fil-proġett b’kollaborazzjoni mal-ERA u ma’ Ambjent Malta, kollha taħt is-superviżjoni tal-Università ta’ Katanja bħala kap tal-proġett. Dan se jkun possibbli permezz tal-monitoraġġ u tal-evalwazzjoni tal-IAS fuq l-abitanti lokali kif ukoll tar-restawr ta’ dawn l-abitanti naturali matul it-30 xahar li jkun għaddej il-proġett. Dan il-proġett se jintemm f’Mejju 2023”.
 
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li l-proġett ‘FAST’ għandu allokat għalih total ta’ €1,599,120 kofinanzjati b’fondi Ewropej bħala parti mill-programm Interreg Italia-Malta. Huwa spjega li l-għan tal-Interreg Italia-Malta huwa li jwassal għal tkabbir sostenibbli u inklussiv billi jipproteġi l-ambjent, jippromwovi l-wirt kulturali u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u tal-Għawdxin.
 
Dr Stefan Zrinzo Azzopardi semma li madwar elf ċittadin se jkunu qed jirċievu aktar għarfien fuq dawn ir-realtajiet ambjentali permezz ta’ dan il-proġett. Ikkonkluda li dan huwa konsistenti mal-istrateġija tal-Unjoni Ewropea sabiex jiġu indirizzati t-tnaqqis tal-bijodiversità u l-qerda tar-riżorsi tal-ekosistema kif ukoll il-konservazzjoni tagħhom, fil-limiti possibbli, fit-territorji tal-Unjoni.