Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR - Jitħabbar proġett ta’ distribuzzjoni ta’ żrieragħ

Reference Number: PR210659mt, Press Release Issue Date: Apr 07, 2021
Jitħabbar proġett ta’ distribuzzjoni ta’ żrieragħ
​Kull dar f’Malta u Għawdex ser tkun qiegħda tirċievi taħlita ta’ żrieragħ flimkien ma’ fuljett fuq kif wieħed għandu jiżra’ u jindokra dawn il-fjuri.
 
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia fejn spjega li inizjattivi bħal dawn qegħdin jittieħdu mill-gvern biex jikkontribwixxu għall-istrateġija tal-UE dwar il-bijodiversità għall-perjodu 2020 sal-2030. “Dan huwa pjan komprensiv, ambizzjuż u fit-tul biex jipproteġi n-natura u jreġġa’ lura t-telf tal-abitat permezz ta’ azzjonijiet speċifiċi mal-pajjiż kollu, inkluż azzjonijiet ewlenin fuq speċi ta’ pollinaturi”, qal il-ministru.
 
Fil-fatt, dan il-proġett oriġina minn inizjattiva biex teduka u tgħarraf lill-pubbliku dwar l-importanza fl-ekosistema tal-pollinaturi kif ukoll tal-abitati li jiddependu minnhom.
 
Il-proġett qed isir mill-ministeru u minn Ambjent Malta wara ħidma fit-tul biex iż-żrieragħ jaslu fid-djar fil-ħin għar-rebbiegħa.
 
Il-ministru spjega li 90% tal-pjanti tal-fjuri tad-dinja jiddependu direttament fuq speċi ta’ pollinaturi biex jirriproduċu, inklużi ħafna siġar tal-frott u wċuħ tar-raba’ li l-bnedmin u l-annimali domestiċi tagħna jiddependu fuqhom għall-ikel u bħala sors ta’ dħul. Barra minn hekk, 35% tal-ikel tad-dinja u aktar minn nofs tax-xaħmijiet u ż-żjut ikkunsmati mill-bniedem jiġu minn uċuħ tar-raba’ mdakkra mill-polinaturi.
 
“Dawn il-pjanti jipprovdu ikel u kenn għall-pollinaturi, inklużi n-naħal, il-friefet u l-kamlieli. Għal dan is-servizz, il-pollinaturi jiġbru u jxerrdu l-pollin tal-fjura selvaġġa minn pjanta għal pjanta li tippermetti l-iżvilupp ta’ żrieragħ. Diversi ekosistemi, u flora u fawna li tgħix fihom, jiddependu fuq din is-sinerġija bejn il-pollinaturi u l-pjanti tal-fjuri. It-tnaqqis fil-popolazzjoni u l-kollass tal-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet tal-pollinaturi jkollhom impatt negattiv fuq is-settur agrikolu, u konsegwentement l-ekonomija globali u l-provvisti essenzjali tal-ikel”, qal il-Ministru Farrugia.
 
Il-fjuri selvaġġi jiġu f’firxa wiesgħa ta’ forom u kuluri, filwaqt li jipproduċu aroma attraenti partikolarment għall-ispeċi tad-dakkara, kif ukoll għall-bnedmin. Għal din ir-raġuni, il-fjuri selvaġġi tal-oriġini wrew li huma popolari ma’ ħafna nies li jħobbu l-ġardinaġġ mid-dar.
 
Inklużi fit-taħlita taż-żerriegħa tal-fjuri selvaġġi, hemm żrieragħ li joriġinaw minn erba’ speċi indiġeni tal-fjuri selvaġġi, jiġifieri il-Buttuniera (Sweet Alyssum), il-Peprin Aħmar (Red Corn Poppy), il-Kamomilla (Chamomile) u l-Fidloqqom (Borage). Dawn il-pjanti kollha jistgħu jinstabu jikbru f’għelieqi u siti naturali madwar il-Gżejjer Maltin.
 
“Billi għarraf lill-pubbliku dwar ir-rwol tal-fjuri selvaġġi u jħeġġeġ lin-nies biex ikabbru pjanti li jiffavorixxu l-pollinaturi d-dar, dan il-proġett tal-gvern għandu jikkontribwixxi għall-Inizjattiva tal-UE dwar il-Pollinaturi. Din l-inizjattiva telenka azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Unjoni Ewropea u l-istati membri tagħha biex jindirizzaw it-tnaqqis tal-pollinaturi fl-UE u jikkontribwixxu għall-isforzi ta’ konservazzjoni globali”, ikkonkluda l-ministru.