Insaħħu l-għarfien ambjentali – Imnedija kotba gwida dwar il-bijodiversità fil-Park tal-Majjistral
Biex aktar Maltin, Għawdxin u turisti jkunu jistgħu jifhmu u japprezzaw il-ħajja ambjentali li teżisti ġewwa l-Park tal-Majjistral, ġew imnedija żewġ kotba gwida li jagħtu tagħrif dwar il-flora u l-fawna.
Waqt il-preżentazzjoni tal-kotba mill-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli u mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia, ġie spjegat kif il-kotba se jservu ta’ gwida għal flora u l-fawna li wieħed jista’ jiltaqa’ magħhom waqt mixja f’dan il-park.
Il-ktieb dwar il-flora huwa mqassam skont il-kulur tal-fjuri, filwaqt dak tal-fawna huwa mqassam skont ir-razza ta’ dawn il-ħlejjaq. Il-kitba hija mżejna b’għadd sabiħ ta’ ritratti li jgħinu li dak li jkun jifhem aħjar, jagħraf dak li għandu quddiemu u japprezza aħjar il-ġmiel li jżejjen dan il-park naturali.
Il-kotba edukattivi jagħtu gwida ta’ kif wieħed għandu jġib ruħu fil-kampanja sabiex l-ekosistemi different u l-ġeoloġija ta’ dan il-park ikunu mħarrsa.
Il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia qal li Malta, ukoll permezz tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), qiegħda tindirizza aspetti differenti relatati mal-bijodiversità.
“Il-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-ġestjoni xierqa tal-ekosistemi hija parti integrali mill-ħidma tagħna lejn il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima”, qal il-Ministru Farrugia.
Hu spjega li għal din ir-raġuni, u sabiex jiżdied l-għarfien dwar il-wirt naturali tal-park, l-ERA ffinanzjat il-pubblikazzjoni ta’ dawn il-kotba dwar il-flora u l-fawna misjuba fil-Park tal-Majjistral inkluż numru ta’ speċi uniċi li jinsabu biss fil-Gżejjer Maltin.
Il-Ministru Farrugia żied jgħid li għaddejjin ukoll diversi xogħlijiet minn Ambjent Malta u entitajiet oħra biex ikomplu jtejbu l-bijodiversità tal-Park tal-Majjistral, żona b’valur storiku, arkeoloġiku u ambjentali sinifikanti.
Il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli ddeskriviet il-pubblikazzjoni ta’ dawn il-kotba bħala parti mill-ħidma biex in-nies, b’mod partikolari t-tfal, ikunu jistgħu jitgħallmu waqt li qed iżuru l-park.
“B’dan il-mod qed ngħinu lit-tfal jigħallmu dwar l-ambjent naturali ta’ pajjiżna mhux biss mill-kotba tal-iskola imma barra fil-miftuħ ukoll”, qalet il-Ministru Dalli.
“Permezz ta’ dawn il-pubblikazzjonijiet, m’aħniex qed ngħinu biss biex jitkattar l-għarfien imma qed nuru li l-bijodiversita hi ħajja li rridu nipproteġu. Il-flora tal-park irnexxielha tadatta ruħha għal kundizzjonijiet iebsa ta’ ħamrija skarsa, nuqqas ta’ ilma, sħana estrema u rjieħ qawwija.”
Il-Ministru Dalli spjegat li fuq din il-flora jiddependu għadd kbir ta’ ħlejjaq li jgħixu, jikbru u jbejtu f’dan l-ambjent.
F’kumment li ta, iċ-Chairperson tal-Bord tal-Park tal-Majjistral Sammy Vella qal li dan il-park qed iservi ta’ rikreazzjoni għal min iżuru, ta’ ispirazzjoni għall-artisti, u ta’ għajnuna għax-xjentisti. Dan għaliex joffri materjal għar-riċerka fuq meded naturali mhux mittiefsa. “Għalhekk hu importanti li kull min jiġi hawn joqgħod attent li jimxi ma’ mogħdijiet stabbiliti u ma jgħaffiġx fuq ħxejjex biex b’hekk ma ssirx ħsara lill-ambjent ta’ madwarna”, qal is-Sur Vella.
Minn naħa tiegħu, l-Amministratur tat-Tim tal-ERA Stephen Saliba qal li l-awtorità mhux biss tappoġġja lill-NGOs fit-tmexxija tal-parks permezz ta’ gwida teknika, iżda tgħin ukoll permezz ta’ finanzjament għall-implimentazzjoni ta’ materjal edukattiv għall-pubbliku.
Il-kotba ġew ippubblikati kemm bil-Malti u kemm bl-Ingliż u jistgħu jinxtraw miċ-ċentru tal-viżitaturi tal-Park tal-Majjistral.