Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR - L-iskema ‘Green Your Building’ estiża fuq talba tar-residenti

Reference Number: PR210627mt, Press Release Issue Date: Apr 01, 2021
L-iskema ‘Green Your Building’ estiża fuq talba tar-residenti
​Skema li tfittex li tnaqqas l-effetti ħżiena fuq l-ambjent, ikkawżati mill-urbanizzazzjoni, kif ukoll toħloq spazji ‘ħodor’ aktar sani fejn wieħed jgħix, se tkun qegħda tiġi estiża b’xahar.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia li spjega li din l-iskema, mmexxija mill-Awtorità tal-Ippjanar (PA), qed tipprovdi finanzjament ta’ 100% lil sidien ta’ djar privati li jixtiequ jinstallaw ġonna vertikali mal-faċċata jew ħitan fir-residenza tagħhom. Din l-iskema tkopri wkoll ir-retrofitting ta’ ġonna ta’ quddiem id-djar. 

Il-ministru qal li l-infrastruttura ħadra toffri għadd ta’ benefiċċji għall-ambjent, timmitiga impatti differenti kkawżati mill-urbanizzazzjoni, żoni densament popolati, u effetti oħra kkawżati mit-tibdil fil-klima. Pjanar ta’ dan it-tip jista’ jtejjeb il-kwalità tal-arja u jipproteġi l-bijodiversità, filwaqt li ambjent ħadrani fl-ibliet jista’ jtejjeb il-kwalità tal-ħajja. 

“Ninsabu kuntenti ħafna bir-rispons li rċevejna matul dawn l-aħħar ġimgħat minn residenti interessati li jibbenefikaw minn din l-iskema u jintroduċu infrastruttura ħadra fil-proprjetajiet privati tagħhom. Sal-lum, irċevejna 90 sottomissjoni li jammontaw għal kważi € 750,000”, qal Martin Saliba, Chairman tal-Kunsill Eżekuttiv tal-PA, filwaqt li kien qiegħed jispjega li l-kunċett ta’ infrastruttura ħadra huwa ġdid f’pajjiżna u għalhekk, mhux biss għandna bżonn noħolqu aktar kuxjenza dwar il-firxa wiesgħa ta’ benefiċċji li toffri lis-soċjetà, iżda rridu wkoll ninvestu u nħeġġu studenti universitarji biex jispeċjalizzaw f’dan is-settur. Aħna qed nestendu d-data tal-għeluq għax irrealizzajna li persuni li kienu qed juru interess f’din l-iskema kienu qed isibuha diffiċli biex jinvolvu l-għarfien espert meħtieġ biex jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom”, temm jgħid is-Sur Saliba.

Din l-iskema ta’ €2 miljun tirrifondi 100% tax-xogħlijiet eliġibbli, inklużi l-ispejjeż kollha assoċjati max-xogħlijiet ta’ installazzjoni, materjal, kiri ta’ tagħmir, pjan ta’ manutenzjoni għal ħames snin, u miżati professjonali u ta’ konsulenza.

Il-fondi għal din l-iskema huma disponibbli grazzi għall-miżati li tiġġenera l-Awtorità mill-applikazzjonijiet ta’ regolarizzazzjoni. L-applikazzjonijiet ta’ regolarizzazzjoni jipprovdu lis-sidien tal-propjetà bl-opportunità li jirregolarizzaw żviluppi eżistenti li mhux konformi u li jinsabu kompletament fil-konfini tal-iżvilupp.

L-iskema issa ser tagħlaq nhar il-Ġimgħa, 7 ta’ Mejju 2021. L-Awtorità ppubblikat ukoll dokument ta’ gwida biex tassisti lill-partijiet interessati dwar numru ta’ kunsiderazzjonijiet qabel ma wieħed jiddeċiedi liema infrastruttura ħadra għandha tiġi installata, liema għażla ta’ pjanti ħajjin jistgħu jintużaw, u l-manutenzjoni tagħhom. Aktar informazzjoni dwar l-iskema ‘Green Your Building’ hija disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-PA.