Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR - Intensifikat l-iskrutinju fuq il-method statements, irduppjati l-ispetturi għall-bini u l-kostruzzjoni sal-aħħar tas-sena, imniedi freephone ġdid għal rapporti fuq irregolaritajiet

Reference Number: PR210365mt, Press Release Issue Date: Feb 20, 2021
Intensifikat l-iskrutinju fuq il-method statements, irduppjati l-ispetturi għall-bini u l-kostruzzjoni sal-aħħar tas-sena.
​Hekk kif ninsabu ftit ġimgħat bogħod mit-twaqqif ta’ awtorità ġdida għall-bini u l-kostruzzjoni, il-gvern kompla għaddej b’sensiela ta’ riformi f’dan il-qasam. L-Aġenzija għall-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) se tara żieda fil-ħaddiema fid-direttorat tal-infurzar tagħha hekk kif huwa mistenni li n-numru ta’ spetturi ser jirdoppja sal-aħħar tas-sena, flimkien ma’ ingaġġ ta’ esperti li se jagħmlu l -iskrutinju neċessarju fuq il-method statements. 
 
Intant ser jitnieda wkoll freephone ġdid, miżura li se tkomplu tagħti serħan il-moħħ lill-familji u li tiżgura li l-industrija tkun iktar sigura u sostenibbli.
 
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia u mis-Segretarju Parlamentari għall-Kostruzzjoni Chris Agius waqt żjara fuq sit ta’ kostruzzjoni bil-għan li jiskattaw sensiela ta’ riformi neċessarji.
 
Il-Ministru Farrugia qal li l-gvern se jkompli jaħdem għal industrija tal-kostruzzjoni aktar sostenibbli fil-gżejjer Maltin u spjega li ż-żieda fl-ispetturi se tkompli ttejjeb il-konformità u l-infurzar. Dawn l-ispetturi se jkunu inkarigati biex jagħmlu spezzjonijiet regolari fuq proġetti ta’ kostruzzjoni u jiżguraw li huma konformi mal-proċeduri regolatorji u amministrattivi. Dawn għandhom jinvestigaw kull rapport ta’ allegat irregolaritajiet u jiżguraw li n-notifiki ta’ infurzar jiġu segwiti dejjem, u dan qed isir permezz ta’ żjarat frekwenti fuq is-sit u jirrakkomandaw l-azzjonijiet meħtieġa, li jinżammu l-case files u li jżommu s-sistema tal-informazzjoni dwar l-infurzar aġġornata.
 
Il-ministru qal li tnieda wkoll freephone ġdid (80049000) biex il-pubbliku jkun jista’ jirrapporta irregolaritajiet fix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ħalli jiġi indirizzat it-tħassib tal-pubbliku u jiżgura li kulħadd iħossu sigur f’daru.
 
Il-gvern għandu wkoll ħsieb li jikkollabora ma’ professjonisti bħal periti biex jevalwaw id-dikjarazzjoni tal-metodu fuq twaqqigħ, skavar u xogħlijiet ta’ kostruzzjoni sottomessi mill-perit responsabbli mill-proġett.
 
“Dawn il-miżuri huma parti minn sensiela ta’ riformi fl-industrija tal-bini u l-kostruzzjoni. Il-bżonn ta’ twaqqif tal-Awtorità huwa l-qafas li fuqu hu miktub ir-rapport tal-inkjesta mmexxija mill-Imħallef Quintano. Fil-ġimgħat li ġejjin se nħabbru iktar riformi, skemi u miżuri id f’id mal-istakeholders kollha biex flimkien niksbu r-riżultati li lkoll nixtiequ. Din ir-riforma se timmodernizza, tissalvagwardja u ssaħħaħ l-industrija filwaqt li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja u s-serħan tal-moħħ tal-familji Maltin u Għawdxin”, qal il-ministru.
 
Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius ħabbar li riċentament il-BCA implimentat sistema ġdida għall-għoti tal-liċenzji tal-bennejja u kif dawn issa qegħdin fil-proċess li jiġġeddu wara numru ta’ snin. Il-bennejja għandhom dejjem iżommu din il-liċenzja magħhom fuq is-sit ta’ kostruzzjoni minħabba li dawn l-ispezzjonijiet jistgħu jsiru f’kull ħin. Reġistru tal-liċenzji validi kollha tal-bennejja huwa disponibbli wkoll fuq s-sit elettroniku tal-aġenzija. 
 
Is-segretarju parlamentari qal li f’Settembru tal-2018 tnediet konsultazzjoni pubblika dwar it-twaqqif ta’ regolatur għall-bini u l-kostruzzjoni. “Dan kien konformi mal-manifest tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-2017. F’Awwissu 2019 twaqqfet l-Aġenzija għall-Bini u l-Kostruzzjoni li s’issa serviet bħala katalista sabiex titwaqqaf l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni. F’dawn ix-xhur l-Aġenzija ħadmet biex iddaħħal sistemi ġodda amministrattivi fosthom sistema ġdida dwar il-liċenzjar tal-bennejja, nediet dokumenti uffiċjali, ħadmet fuq abozzi ta’ liġijiet, fetħet fergħa f’Għawdex, saħħet il-preżenza tagħha fil-lokalitajiet kollha u għalkemm il-politika tagħna kienet li nedukaw lis-settur, xorta waħda għadhom jeżistu ċirkostanzi fejn din is-sezzjoni kellha tieħu azzjoni. Fil-fatt tul is-sena li għaddiet, il-BCA ħarġet 38 multa, issiġillat 4 siti ta’ kostruzzjoni, fetħet 3 kwereli mal-pulizija minħabba ksur tal-liġi u ħarġet 48 ordni ta’ infurzar. Tul l-istess sena saru 4,077 spezzjoni madwar Malta u 437 f’Għawdex, u pproċessat 2,595 ilment”, qal Chris Agius.
 
“Il-missjoni tagħna hija li ndaħħlu aktar stabbiltà u kontabbiltà fis-settur tal-bini u l-kostruzzjoni li jgħin biex jinħoloq ambjent aħjar għal kulħadd”, qal il-Kap Eżekuttiv tal-BCA Ivor Robinich.