Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR - Aktar protezzjoni fuq is-siti Natura2000

Reference Number: PR210355mt, Press Release Issue Date: Feb 19, 2021
Aktar protezzjoni fuq is-siti Natura2000
​L-immaniġġjar u l-infurzar tas-siti tal-Għadira s-Safra u l-Iskoll tal-Għallis se jissaħħu permezz ta’ aktar proviżjonijiet relatati mar-regolamentazzjoni ta’ ċertu attivitajiet ta’ din iż-żona protetta. 
 
Dan tħabbar mill-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia, fejn spjega li l-ordni l-ġdida ta’ protezzjoni maħruġa din il-ġimgħa mill-ERA se tindirizza l-espansjoni taż-żona protetta mill-ERA li hija biswit il-blat tal-Għallis. 
 
Dan se jippermetti lill-ERA biex tinforza ċertu attivitajiet li affettwaw lil dan is-sit, inkluż ir-rimi ta’ skart, nirien fil-beraħ u barbeques madwar is-sit kollu, kif ukoll aspetti oħra relatati mal-abbuż ta’ ċertu speċi u l-introduzzjoni ta’ speċi oħra mhux endemiċi.
 
Il-Ministru spjega kif din iż-żona kollha tospita sit Natura 2000, li jilqa’ fih bosta speċi ta’ flora u fawna li huma dipendenti fuq l-ilma salmastru waqt l-istaġun tax-xita. 
 
Il-Ministru tenna l-impenn tiegħu biex jiġu protetti l-ispeċi u t-tipi ta’ ambjenti naturali differenti u li nassiguraw il-konservazzjoni tagħhom għal ġenerazzjonijiet futuri. “Il-bijodiversità u n-natura mhumiex biss xi ħaġa sabiħa li jkollna imma huma essenzjali. Essenzjali għax fuqhom tiddependi l-arja, in-nifs li nieħdu, l-ikel li nieklu, l-ekonomija tagħna u s-saħħa tagħna. Biex nipproteġu dan kollu, irridu nagħtu protezzjoni xierqa lis-siti ta’ importanza ekoloġika.”
 
Ir-regolamenti l-ġodda se jassiguraw aktar protezzjoni permezz ta’ konservazzjoni u mmaniġġjar tal-abitat naturali u l-ispeċi li jgħixu f’dan is-sit, kif ukoll jippermettu l-implimentazzjoni għal miżuri ta’ konservazzjoni f’dan is-sit.
 
Iż-żona protetta hija mmaniġġjata mill-Kaċċaturi San Ubertu (KSU) permezz ta’ ftehim mal-ERA, li jinkludi għadd ta’ miżuri ta’ konservazzjoni li jridu jiġu implimentati, inkluż ir-restawr ta’ żoni mistgħadra u l-abitat marittimu u l-ispeċi tagħhom, il-forestazzjoni, u li titqajjem kuxjenza fuq dan is-sit.
Sal-lum, numru ta’ interventi saru min-naħa ta’ KSU, inkluż l-amministrazzjoni u l-monitoraġġ ta’ kuljum ta’ dan is-sit, il-monitoraġġ tal-elementi bijotiċi u abijotiċi, tħawwil ta’ siġar, tneħħija ta’ speċi aljeni invażivi, u l-installazzjoni temporanja ta’ għadajjar żgħar tal-ilma ħelu, fost oħrajn.
 
Ambjent Malta offriet ukoll l-assistenza tagħha biex jitneħħew l-ispeċi aljeni invażivi u qed tassisti ukoll lill-KSU u lill-ERA fi proġett li se jippermetti li ż-żona tospita meded ikbar ta’ ilma li jkunu jistgħu jospitaw aktar speċi relatati mal-ilma, inkluż tajr.