Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR - Imnedija wirja tal-patrimonju marittimu Malti

Reference Number: PR210346mt, Press Release Issue Date: Feb 18, 2021
Qed tiġi mtella’ wirja tal-fotografija fl-Akwarju Nazzjonali ta’ Malta .
​Qed tiġi mtella’ wirja tal-fotografija fl-Akwarju Nazzjonali ta’ Malta sabiex tqajjem għarfien fuq l-abitati marittimi lokali u l-importanza biex dawn kollha jiġu protetti.
 
Din il-wirja, bl-isem ‘Malta’s Blue Wonders’ u mtella’ mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), turi l-patrimonju taħt il-baħar permezz tal-fotografija u hija miftuħa lill-pubbliku mingħajr ħlas. Din turi għadd ta’ abitati ġodda u speċi madwar il-gżejjer Maltin li ġew skopruti permezz tal-LIFE BaĦar Project.
 
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia li spjega l-importanza tal-ambjent marittimu fuq gżiritna u l-ekonomija tagħha u li l-ERA ħatret aktar minn 35% tal-ibħra Maltin bħala żoni marittimi protetti u li żdiedu man-netwerk Ewropew ta’ siti Natura2000.
 
“Id-dipendenza ta’ Malta fuq attivitajiet marittimi tibqa’ għolja meta kkumparata ma’ stati membri żgħar oħra fl-Unjoni Ewropea li huma gżejjer, li għalhekk għandna naraw li nużaw dan is-settur bl-aħjar mod possibbli biex jiġġenera l-ġid u x-xogħol għall-benefiċċju tal-poplu. Is-settur tal-ekonomija l-blu jammonta għal 15% tal-ekonomija Maltija u jiġġenera madwar 27,000 impjieg”.
 
Il-ministru spjega li huwa kruċjali li jinstab bilanċ bejn it-tkabbir ekonomiku u l-preservazzjoni ambjentali anke għaliex dawn it-tnejn huma intrinsikament magħqudin. Huwa qal li l-pajjiż jiddependi fuq l-ekonomija l-blu li tippermettilna niżviluppaw ir-riżorsi tagħna u tmexxi industriji u setturi importanti bħat-trasport, it-turiżmu u s-sajd filwaqt li tippreserva r-riżorsi intanġibbli bħall-istil ta’ ħajja tradizzjonali u r-reżiljenza kostali tagħna.
 
“Il-protezzjoni tal-ambjent marittimu hija waħda mill-funzjonijiet importanti tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi. Permezz ta’ din il-wirja qed inżidu l-għarfien dwar il-ħtieġa ta’ din il-protezzjoni marittima u l-importanza tal-involviment ta’ kull persuna f’dan il-proċess,” qalet is-CEO tal-ERA Michelle Piccinino.
 
Il-pubbliku huwa mħeġġeġ li jżur din il-wirja bla ħlas fl-Akwarju Nazzjonali ta’ Malta biex jesperjenza u japprezza s-sbuħija tal-ibħra ta’ madwarna. Din il-wirja se tkun miftuħa kuljum tul il-ġimgħa kollha mit-18 ta’ Frar sas-16 ta’ Marzu bejn l-10am u s-6pm u m’hemmx bżonn li wieħed jagħmel prenotazzjoni minn qabel.