Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR - Jibda xogħol ta’ restawr ta’ abitat f’Ħaż-Żebbuġ

Reference Number: PR210311mt, Press Release Issue Date: Feb 12, 2021
Jibda xogħol ta’ restawr ta’ abitat f’Ħaż-Żebbuġ
​Bħala parti mill-proġetti ta’ restawr tal-abitat, Ambjent Malta se tagħmel xogħlijiet fi Triq it-12 ta’ Mejju f’Ħaż-Żebbuġ, b’investiment ta’ €15,000. 
 
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia waqt żjara lill-ħaddiema ta’ Ambjent Malta li bdew ix-xogħlijiet ta’ tisbiħ u t-tħawwil ta’ siġar u ta’ arbuxelli indiġeni. 
 
“Qed inkomplu bil-ħidma tagħna biex inħaddru pajjiżna b’mod partikolari l-qalba tal-komunitajiet tagħna. Għaddej xogħol minn Ambjent Malta biex jiġu restawrati diversi abitati u llum beda x-xogħol fuq din it-triq biex tissebbaħ din iż-żona, jitħawlu aktar siġar u tingħata attenzjoni partikolari lis-siġar taż-żnuber li hemm diġà fuq il-post. Dawn ix-xogħlijiet huma parti mill-aġenda tagħna biex inkomplu nħaddru pajjiżna: qed naħdmu biex intejbu l-estetika tat-toroq tagħna, intejbu l-kwalità tal-ħajja u nnaqqsu l-aspetti negattivi assoċjati mal-għajxien f’żoni urbani. Bl-isfidi li ġew mat-tkabbir ekonomiku qawwi li esperjenzajna, l-iżvilupp u aspetti oħra marbutin mat-tibdil fil-klima – hemm bżonn aktar minn qatt qabel ta’ attenzjoni speċjali lill-ippjanar sostenibbli u lill-ambjent ta’ madwarna. Dan ix-xogħol qed nagħmluh għas-saħħa tal-komunitajiet tagħna u għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri,” qal il-Ministru Farrugia. 
 
Il-ministru spjega li x-xogħlijiet ewlenin li se jkunu qed isiru u li huma neċessarji f’din iż-żona jinkludu xogħlijiet ta’ tisbiħ fis-soft areas eżistenti b’siġar u b’arbuxelli indiġeni, tneħħija ta’ skart, tneħħija ta’ speċi aljeni invażivi, iż-żbir korrettiv fuq is-siġar eżistenti, tneħħija ta’ materjal mejjet mis-siġar, tneħħija ta’ siġar mejta u tħawwil ta’ siġar ġodda minflokhom.