Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR

Reference Number: PR210042mt, Press Release Issue Date: Jan 09, 2021
Il-Ministru Aaron Farrugia waqt żjara ġewwa l-Covenience Shop
​Is-settur privat huwa integrali sabiex nagħmlu t-tranżizzjoni ekoloġika fil-pajjiz. Il-gvern qed jagħmel il-parti tiegħu, iżda bil-koperazzjoni u inizjattivi pożittivi minn kumpaniji privati, naslu ferm qabel. 
 
Hekk qal il-Ministru Aaron Farrugia waqt żjara ġewwa l-Covenience Shop, fejn ħeġġeġ il-kumpaniji privati kollha biex jimplimentaw miżuri ambjentali li fl-aħħar mill-aħħar se jwasslu għal ekonomija iktar sostenibbli. 
 
Fl-istess waqt, huwa faħħar l-inizjattivi li din il-kumpanija diġà se tkun qed timplimenta, inkluż it-tnedija ta’ kampanja b’sensiela ta’ clean-ups mill-ħaddiema, u investiment f’ammont ta’ basktijiet bijodegradabbli, pass li se jkun qed jgħin biex jitnaqqas l-użu ta’ basktijet magħmulin minn plastik konvenzjonali.
 
“Nilqa’ b’sodisfazzjon inizjattivi mis-settur privat biex ikunu aktar ambjentalment responsabbli. Filwaqt li bħala gvern qed inkomplu naħdmu biex titnaqqas il-ġenerazzjoni tal-iskart, intejbu l-immaniġjar tal-iskart, u nkomplu nimplimentaw il-projbizzjoni mill-importazzjoni u sussegwentament l-użu ta’ plastik li jintuża darba, nilqgħu dawn it-tip ta’ inizjattivi mis-settur privat. Hija din il-kuxjenza soċjali u ambjentali li tmexxi l-ekonomija fid-direzzjoni t-tajba, u tassigura li pajjiżna jkompli miexi f’dan il-vjaġġ lejn sostenibbiltà u ambjent aktar nadif”, qal il-Ministru Farrugia.
 
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Convenience Group Martin Agius qal li l-kumpanija ddeċidiet tagħmel il-qalba għal basktijiet bijodegradabbli u kompostabbli biex permezz ta’ hekk tkun qed tevita milli tuża 33 tunnellata ta’ plastik konvenzjonali fis-sena. Dan qed isir flimkien ma’ numru ta’ inizjattivi oħra bħall-qalba għal makkinarju iktar effiċjenti fil-konsum tal-enerġija. Min-naħa tiegħu, id-Direttur tal-kumpanija Kevin Deguara qal li bħala l-ikbar grupp ta’ ħwienet f’Malta, Convenience Group għandu jkun minn ta’ quddiem li jagħti eżempju fil-ħidma favur l-ambjent.