Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR U MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI

Reference Number: PR210024mt, Press Release Issue Date: Jan 07, 2021
Masġar taż-żebbuġ ta’ żmien ir-Rumani qed jiġi protett permezz ta’ kollaborazzjoni bejn Ambjent Malta u Heritage Malta
​Masġar taż-żebbuġ ta’ żmien ir-Rumani qed jiġi protett permezz ta’ kollaborazzjoni bejn Ambjent Malta u Heritage Malta

Ambjent Malta u Heritage Malta qed jikkollaboraw biex flimkien jaċċertaw il-protezzjoni u ż-żamma ta’ masġar taż-żebbuġ ta’ importanza sinifikanti fil-Bidnija. Is-siġar f’dan il-masġar għandhom madwar 1,800 sena.
 
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia u l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera waqt ċeremonja ta’ ffirmar ta’ Memorandum ta’ Ftehim (MOU) bejn iż-żewġ entitajiet.
 
Il-Pjan ta’ Konservazzjoni, li jissemma ukoll fl-MOU, jinkludi numru ta’ miżuri dettaljati li jridu jiġu indirizzati kemm minn Ambjent Malta u anke minn Heritage Malta. 
 
Il-Ministru Aaron Farrugia spjega li dawn il-miżuri jinkludu ż-żbir ta’ siġar minn ġardinara kwalifikati mis-sezzjoni tal-afforestazzjoni ta’ Ambjent Malta. Ikun jinħtieġ permess mill-ERA biex jinżabru siġar li huma protetti mir-Regolamenti dwar il-Ħarsien tas-Siġar u l-Imsaġar (2011).
 
Miżura oħra importanti tittratta l-ittestjar għall-Xylella fastidiosa, marda li hija ta’ theddida serja għal dawn is-siġar taż-żebbuġ. Għalkemm din il-marda għadha ma nstabitx f’Malta u s-siġar taż-żebbuġ kollha f’dan il-masġar ittestjaw fin-negattiv, eluf ta’ siġar taż-żebbuġ fin-naħa ta’ isfel ta’ Sqallija ġew affettwati minn din il-marda. 
 
Miżuri addizzjonali jikludu l-ittestjar ġenetiku u għall-kontenut ta’ polyphenol f’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta, il-propagazzjoni u t-tħawwil ta’ dawn is-siġar taż-żebbuġ, l-installazzjoni ta’ kameras tas-CCTV, miżuri għat-tifi tan-nar, u r-restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ li jinsabu fl-akwata.
 
“L-implimentazjoni ta’ dawn il-miżuri hija xhieda tal-impenn tal-gvern lejn il-protezzjoni tal-bijodiversità u l-ekosistemi ta’ pajjiżna b’rispett lejn ġenerazzjonijiet futuri”, qal il-Ministru Farrugia. 
 
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim u qal li dan huwa eżempju ċar ta’ kif entitajiet differenti jistgħu jaqsmu r-riżorsi tagħhom u jikkollaboraw b’risq il-ħarsien tal-patrimonju tanġibbli ta’ pajjiżna.
 
L-inħawi fejn jinsab il-masġar għandhom ukoll importanza arkeoloġika billi madwarhom hemm midfunin il-fdalijiet ta’ villa rustika tal-perjodu Ruman fejn kien jinħadem iż-żejt. Aktar kmieni din is-sena kien ġie ffirmat ftehim ieħor, din id-darba bejn Heritage Malta, l-Università ta’ Malta u s-Sovrintendenza għall-Wirt Kulturali, biex it-tliet entitajiet jaħdmu flimkien fl-istudju u l-konservazzjoni tal-wirt kulturali ta’ dan is-sit.
 
Apparti l-obbligu tal-protezzjoni ta’ din iż-żona li joħroġ mir-Regolamenti dwar il-Ħarsien tas-Siġar u l-Imsaġar (2011) u protezzjoni oħra li jirċievi dan is-sit minħabba li huwa skedat bħala Żona għall-Ħarsien tas-Siġar, Sit ta’ Importanza Ekoloġika u Sit ta’ Importanza Xjentifika, dan l-MOU jipprovdi miżuri addizzjonali biex isaħħaħ u jissalvagwardja l-protezzjoni u l-konservazzjoni ta’ dawn is-siġar antiki.