Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR - Ikompli x-xogħol fuq ġonna vertikali f’pajjiżna

Reference Number: PR202569mt, Press Release Issue Date: Dec 14, 2020
Ikompli x-xogħol fuq ġonna vertikali f’pajjiżna
​Il-komunità ta’ Raħal Ġdid ibbenefikat minn investiment ta’ €30,000 minn Ambjent Malta għall-iżvilupp ta’ ġnien vertikali fuq il-ħajt tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin. 
 
Dan ħabbru l-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia, filwaqt li spjega li l-gvern kompla bil-ħidma fuq numru ta’ ġonna vertikali madwar il-pajjiż. “Dan qed nagħmluh permezz ta’ investiment qawwi biex inħaddru l-postijiet fejn il-familji Maltin u Għawdxin jgħixu u jaħdmu,” stqarr il-Ministru Farrugia. 
 
Il-Ministru spjega li l-Forum Konsultattiv għall-Ippjanar Intelliġenti, li twaqqaf minnu, ipprepara studju fuq il-green walls u l-green roofs li stabilixxa numru ta’ benefiċċji li dawn jistgħu joffru lil pajjiżna, fosthom li jtejbu l-kwalità tal-arja, inaqqsu l-ħsejjes, iservu ta’ abitat għal pollinaturi u jnaqqsu t-temperaturi fiż-żoni urbani. Apparti minn hekk, huwa spjega kif interventi bħal dawn isebbħu t-toroq tagħna, jippurifikaw l-arja fl-iktar żoni urbani ta’ pajjiżna u b’hekk jipprovdu ambjent aħjar għall-komunitajiet li jgawduhom. 
 
Fil-każ ta’ dan il-proġett, il-komunità ta’ Raħal Ġdid ibbenefikat minn assistenza teknika u skema ta’ fondi li kienu immirati sabiex isebbħu żoni urbani u jżiedu l-kapital ambjentali f’din il-lokalità. 
 
Tlettax-il kunsill lokali ieħor irċevew għajnuniet simili, sabiex jinvestu u jdaħħlu kunċett ħadrani mal-bini eżistenti u f’arterji traffikużi. Dan il-kunċett għandu benefiċċji wiesa’ li jolqtu dawk ambjentali kif ukoll ta’ benesseri. Kunsilli oħra għamlu interventi ta’ tisbiħ f’żoni diversi, fejn ħawlu diversi speċi ta’ siġar u arbuxxelli.
 
Il-Ministru ħeġġeġ il-kunsilli lokali jħarsu lejn proġetti aktar ħodor u ambjentali permezz ta’ fondi differenti li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom, fosthom skemi ta’ Ambjent Malta, kif ukoll tal-Awtorità tal-Ippjanar permezz tad-Development Planning Fund (DPF). Iktar kmieni din is-sena, il-Ministru kien ħabbar riforma ambjentali fid-DPF biex jiffinanzja aktar proġetti ħodor fil-lokalitajiet ta’ pajjiżna.