Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ

Reference Number: PR202326mt, Press Release Issue Date: Nov 20, 2020
L-aħħar fażi tar-riabilitazzjoni tal-miżbla ta’ Wied Fulija, titħabbar kollaborazzjoni bejn BirdLife Malta u Malta Beekeepers
​L-aħħar fażi tar-riabilitazzjoni tal-miżbla ta’ Wied Fulija, titħabbar kollaborazzjoni bejn BirdLife Malta u Malta Beekeepers Association  
 
 
Tħawlu l-ewwel minn għadd ta’ siġar indiġeni f’Wied Fulija, żona li qabel kienet tintuża bħala miżbla, mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi.
 
Ix-xogħol ta’ riabilitazzjoni tal-miżbla ta’ Wied Fulija fiż-Żurrieq qed ikompli għaddej b’ritmu mgħaġġel hekk kif dan il-proġett wasal fl-aħħar fażi tiegħu li jinvolvi t-tħawwil ta’ għadd ta’ siġar.
 
Waqt żjara fuq il-post, il-Ministru Aaron Farrugia u s-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi kienu akkumpanjati mill-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv Richard Bilocca u mis-Sindku taż-Żurrieq Rita Grima, fejn kellhom l-opportunità li jħawlu l-ewwel siġar fuq il-post.
 
WasteServ bdiet bix-xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni tal-miżbla ta’ Wied Fulija f’Awwissu 2019 billi sar restawr fuq 6.5 ettaru ta’ art fi green area b’passaġġ pavimentat li jipprovdi aċċess lill-pubbliku fuq l-għoljiet li hemm biex titgawda wkoll il-veduta panoramika tal-madwar.
 
Dan il-proġett qed jiġi ffinanzjat permezz ta’ fondi ta’ koeżjoni u inkludew ukoll installazzjoni tal-immaniġġjar tal-ilma mmirata biex tgħin fil-passaġġ tal-ilma tax-xita bejn l-għoljiet li ffurmaw mill-użu passat ta’ din iż-żona. Din iż-żona llum se tiġi msebbħa b’numru ta’ siġar indiġeni biex tnaqqas l-impatt viżwali tal-miżbla u tgħin biex din iż-żona tintegra fl-ambjent tal-madwar.
 
Il-Ministru Farrugia qal li dan il-proġett se jkun qed ibiddel din iż-żona minn miżbla għal żona li tista’ titgawda mill-pubbliku. Fuq kollox, ir-riabilitazzjoni ta’ din il-miżbla hija importanti għall-art agrikola u għal żoni oħra bi protezzjoni speċjali li jinsabu fil-madwar. “L-inizjattivi ta’ afforestazzjoni li qed isiru fuq din iż-żona mhux biss se jtejbu l-impatt viżwali imma se jagħtu sapport lill-bijodiversità lokali. Dan huwa proġett ieħor fejn il-gvern qed juri biċ-ċar li huwa kommess għas-sostenibbiltà u għat-titjib tal-ambjent. Wara ħafna snin, miżbla abbandunata se tiġi riabilitata f’żona b’valur ekoloġiku li se jkun ta’ benefiċċju għall-benesseri tal-komunità tal-madwar”, qal il-Ministru Farrugia.  
 
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li b’investiment ta’ €4.5 miljun qed jiġu riabilitati madwar 91,000 mt sq ta’ art li kienet isservi ta’ miżbla f’Wied Fulija fiż-Żurrieq. Hu qal li wara li jitlestew ix-xogħlijiet ta’ preparazzjoni se jinżergħu diversi siġar u arbuxell li se jkunu mhux biss qed isebbħu l-ambjent iżda se jkunu wkoll qed jipprovdu arja nadifa biex ikollna spazju miftuħ li jistgħu jgawduh il-familji. Dr Zrinzo Azzopardi saħaq li dan il-proġett qed jilħaq għan ambjentali li se jkun qed inaqqas it-tniġġis u l-emissjonijiet tossiċi għall-benefiċċju tan-nies tal-madwar. “Il-proġett ta’ Wied Fulija rriġenera miżbla, biex issa se jkollna spazju miftuħ li se jerġa’ jiġi mgħoddi lura lin-nies tal-madwar u lill-pubbliku inġenerali,” qal is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi.
 
Il-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv Richard Bilocca qal li Wasteserv se tkun qed twassal dan il-proġett fl-istadju li jmiss, hekk kif se tkun qed tikkollabora ma’ Birdlife Malta biex tkun tista’ toħloq siti fejn tista’ tbejjet il-Garnija (Yelkouan Shearwaters). Dawn il-bejtiet se jservu sija ta’ rifuġju għal dan l-għasfur u anke bħala żona fejn dan l-għasfur jista’ jkompli jkattar. Permezz ta’ kollaborazzjoni oħra mal-Malta Beekepers Association, se jkunu qed jitpoġġew numru ta’ kaxxi tan-naħal mal-ġnub tal-pjanuri biex jikkontribwixxu għall-konservazzjoni tal-ispeċi indiġena ta’ naħal Apis mellifera ruttneri.