Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR - Komplew il-proġetti ta’ afforestazzjoni f’pajjiżna

Reference Number: PR202241mt, Press Release Issue Date: Nov 11, 2020
Komplew il-proġetti ta’ afforestazzjoni f’pajjiżna
​Bdew jitħawwlu mal-elf siġra u arbuxell fil-Park tal-Majjistral bħala parti mix-xogħol kontinwu minn Ambjent Malta biex ikompli jtejjeb l-ambjent ta’ madwarna, u bħala parti minn ftehim bejn il-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, u l-Ministeru Tork għall-Agrikoltura u l-Afforestazzjoni.
 
Dan ħabbru l-Ministru Aaron Farrugia waqt avveniment fil-Park tal-Majjistral, wieħed mis-siti Natura 2000 maġġuri fil-gżejjer Maltin, li għalih kien hemm preżenti rappreżanti mill-Ministeru tat-Turkija kif ukoll l-Ambaxxata, flimkien ma’ rappreżentanti minn Ambjent Malta.
 
Il-Ministru qal li inizjattivi bħal dawn huma eżempju ċar kif il-Gvern qiegħed dejjem isaħħaħ l-impenn tiegħu biex jitkomplew isiru x-xogħlijiet u jiżdiedu l-inizzjattivi għal kura, rijabilitazzjoni u restawrazzjoni tal-ambjent Malti.
 
Huwa spjega kif permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, Ambjent Malta se tħawwel mal-elf siġra u arbuxell fil-Park tal-Majjistral. Is-siġar huma minn stokk lokali, u magħhom ġiet installata sistema ta’ irrigazzjoni, sabiex ikunu jistgħu jissaqqew kif meħtieġ.
 
Il-proġett ser jissarraf ukoll fir-rijabilitazzjoni ta’ iktar minn 8,000m2 li ser jiġu mħaddra sabiex ikunu jistgħu jitgawdew mill-pubbliku.  
 
“Inizjattivi bħal dawn huma importanti għax ir-riperkussjonijiet tat-tniġġis u t-tibdil fil-klima huma xi ħaġa li taffettwa l-pajjiżi kollha, u bidla tanġibbli tista’ biss iseħħ permezz ta’ ftehim u kooperazzjoni kollettiva,” qal il-Ministru Farrugia.
 
L-għan ta’ din l-inizzjattiva hija li l-art li kienet qabel mitluqa terġa’ tiġi restawrata biex tikkumplimenta l-bqija tal-ambjent ekoloġiku tal-madwar. Għal din ir-raġuni, is-siġar u l-arbuxelli li tħawlu f’dan is-sit huma indiġini u kompatibbli mal-klima ta’ Malta, fosthom siġar taż-żebbuġ, siġar tal-ħarrub u s-siġra nazzjonali tal-għargħar.
 
Min-naħa tal-Ambaxxata tat-Turkija, Charges D’Affaires ad interim Mrs Tugba Alan Ozdenfedakar spjegat li din l-inizjattiva hija parti minn sensiela ta’ avvenimenti ta’ tħawwil tas-siġar fuq livell internazzjonali bl-għan li tinħoloq sinerġija rigward l-afforestazzjoni li sservi biex flimkien nibnu futur iktar aħdar għal kulħadd. 
 
Iċ-Ċhairman tal-Park tal-Majjistral Sammy Vella faħħar din l-inizjattiva u qal li hija pass fid-direzzjoni t-tajba. Stqarr li għandna bżonn niżirgħu iktar siġar biex il-popolazzjoni tkun tista’ tgawdi minn klima u ambjent aħjar għar-rikrejazzjoni. “Fil-passat, provajna niżirgħu iktar siġar imma mhux dejjem b’mod intelliġenti. Illum nafu li rridu nkunu iktar selettivi fl-istrateġiji tagħna.”