Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR - Il-wirt naturali li joffri l-ambjent għandu jiġi mħares bħal kull wirt ieħor: investment ta’ kważi €60,000 f’żewġ siti Natura 2000

Reference Number: PR202087mt, Press Release Issue Date: Oct 26, 2020
investment ta’ kważi €60,000 f’żewġ siti Natura 2000
​Il-Ministeru se jkun qed jinvesti f’iktar xogħlijiet sabiex ikompli jtejjeb ix-xogħol li qed isir mill-BirdLife Malta fil-immaniġġjar ta’ żewġ siti Natura 2000 permezz ta’ ftehim bejn il-Ministeru, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), u BirdLife Malta.
 
Dan ġie mħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia, filwaqt li spjega li dan huwa ezempju car kif il-Gvern ser ikompli isaħħaħ l-impenn tiegħu biex jitkomplew ix-xogħlijiet fuq siti Natura 2000 – fosthom l-Inħawi u r-Riserva naturali tal-Għadira, kif ukol ir-Riserva tas-Simar fil-limiti ta’ San Pawl il-Baħar. 
 
Dawn iż-żewġ siti huma kkunsidrati bħala santwarji tal-għasafar - filwaqt li huma wkoll klassifikati bħala Żoni Specjali ta’ Konservazzjoni ta’ Importanza Internazzjonali u Żoni ta’ Ħarsien Specjali.
 
Huwa spjega li dan ix-xogħol addizzjonali ser ikun qed jgħin sabiex ikompli jiġi mħeġġeġ it-tkattir u l-għajxien ta’ speċi protetti, fosthom dawk li jżuru dawn is-siti,  bħall-Bużaqq (Mediterranean Killifish), iż-Żrinġ (Maltese Painted Frog), u tajr protett fost oħrajn.
 
Ix-xogħlijiet il-ġodda ser jinkludu:
 
•        It-twaqqif ta’ laboratorju għar-riċerka fis-Simar;
•        Użu ta’ prodotti u makkinarju ġodda biex jitħawwlu s-siġar;
•        Installazzjoni ta’ kameras tas-sigurtà; u
•        Il-kostruzzjoni ta’ faċilitajiet sanitarji ġodda fis-Sit tal-Għadira.
 
“Il-wirt naturali li joffri l-ambjent għandu jiġi mħares bħal kull wirt ieħor. Wieħed irid iżomm f’moħħu li l-ġenerazzjonijiet futuri ser igawdu minn dan il-wirt naturali skont kemm aħna lesti nibżgħu għalih. L-għan ta’ dawn ix-xogħolijiet li qed isiru f’diversi siti Natura 2000 huwa biex jiġi protett il-valur li joffri l-ambjent ta’ madwarna. L-iskop primarju huwa li dawn is-siti jinżammu fi kwalità tajba biżżejjed sabiex ikunu jistgħu jitgawdew b’mod sostenibbli minn kulħadd, filwaqt li jinħoloq bilanċ bejn l-użu tas-siti Natura 2000 u l-konservazzjoni naturali tagħhom. B’dawn l-inizjattivi nixtiequ nenfasizzaw mhux biss l-importanza li wieħed iħares l-ambjent ta’ madwarna u li jħares l-ispeċi protetti, iżda wkoll li jassigura li l-attivitajiet tal-bniedem, inkluż dawk tar-rikreazzjoni, ma jħallu l-ebda tip ta’ impatt negattiv fuq il-kwalità tal-bijodiversità,” qal il-Ministru Farrugia. 
 
Fil-fatt, iktar minn 13% tal-art tal-Gżejjer Maltin ġiet allokata għal-34 siti terrestri Natura 2000, li jammontaw għal madwar 44 kilometru kwadru – filwaqt li s-siti marittimi Natura 2000 jkopru 35.5% tal-ibħra Maltin.
 
Dan ġie mħabbar waqt konferenza stampa fir-Riserva Naturali tal-Għadira, li għaliha kien hemm preżenti rapprezentanti minn BirdLife Malta, ERA u Ambjent Malta.