Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR - Pajjiżna jkompli jimxi lejn tranżizzjoni ekoloġika u l-ekonomija l-ħadra b’inċentivi u bi strumenti ġodda għall-finanzjament ta’ proġetti sostenibbli

Reference Number: PR202055mt, Press Release Issue Date: Oct 23, 2020
Pajjiżna jkompli jimxi lejn tranżizzjoni ekoloġika u l-ekonomija l-ħadra b’inċentivi u bi strumenti ġodda
​Hekk kif fil-Baġit tal-2021 li ġie ppreżentat nhar it-Tnejn li għadda tħabbar li l-Borża ta’ Malta se tkun qed toffri pakkett attraenti lill-pubbliku f’forma ta’ green bonds intenzjonati biex jiffinanzjaw proġetti infrastrutturali sostenibbli, il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia ssokta bil-ħidma tiegħu b’laqgħat bilaterali fil-Lussemburgu mal-Ministru għall-Ambjent Carole Dieschbourg u mal-Ministeru għall-Finanzi fil-Lussemburgu. 
 
Magħhom iddiskuta l-istruttura meħtieġa biex il-pajjiż jagħmel użu minn green bonds għal proġetti li jippromwovu l-kwalità tal-ħajja, is-saħħa ambjentali u l-proġetti sostenibbli.
 
Il-ministru spjega li dawn il-proġetti ta’ natura infrastrutturali jridu jkunu ta’ benefiċċju għal kulħadd, jipproteġu l-ambjent tagħna, jimmitigaw l-impatt ikkawżat mit-tibdil fil-klima inklużi l-emissjonijiet u joħolqu impjiegi ħodor ġodda. 
 
Green Bonds huma mod kif jiġu ffinanzjati proġetti sostenibbli u ambjentali bħal proġetti ta’ enerġija rinovabbli, trasport nadif, bini li huwa effiċjenti fl-enerġija u proġetti tal-immaniġġjar tal-iskart. Green bonds huma effettivament dawk li jirrispettaw ir-regoli stabbiliti mill-Climate Bonds Initiative. 
 
Il-ministri ddiskutew kif il-Lussemburgu sar l-ewwel pajjiż Ewropew li nieda Sustainability Bond Framework ftit tal-ġimgħat ilu. Dan il-qafas innovattiv, li jissodisfa l-ogħla standards tas-suq, huwa wkoll l-ewwel wieħed fid-dinja li jikkonforma bis-sħiħ mar-rakkomandazzjonijiet il-ġodda tat-tassonomija Ewropea għal finanzjament ekoloġiku. 
 
Huma ddiskutew ukoll il-kriterji ta’ eliġibbiltà u rakkomandazzjonijiet tar-rapport finali tal-Technical Expert Group (TEG) dwar it-tassonomija tal-Unjoni Ewropea, liema qafas ġie ddisinjat biex jikkonforma mal-abbozz tal-istandard Ewropew tal-Green Bonds.
 
Il-Ministru Farrugia temm jgħid li l-Green Bonds, flimkien mal-investimenti li qed isiru u l-Fond għar-Reżiljenza u l-Irkupru, se jwasslu biex pajjiżna jagħmel it-tranżizzjoni ekoloġika lejn Malta ta’ għada