Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR U MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI

Reference Number: PR201992mt, Press Release Issue Date: Oct 14, 2020
L-Awtorità tal-Ippjanar tappoġġja l-konservazzjoni tal-pitturi tal-Assedju l-Kbir fil-Palazz tal-Granmastru
​L-Awtorità tal-Ippjanar tappoġġja l-konservazzjoni tal-pitturi tal-Assedju l-Kbir fil-Palazz tal-Granmastru
 
Konservaturi professjonali u studenti li qed jistudjaw il-konservazzjoni f’livell ta’ Maġisteru fid-Dipartiment tal-Konservazzjoni u l-Patrimonju Mibni fil-Fakultà għall-Ambjent Mibni, qed ikomplu x-xogħol ta’ konservazzjoni fuq numru ta’ pitturi li huma storikament akkurati li jitrattaw l-Assedju l-Kbir tal-1565. Dan ix-xogħol sar possibbli permezz ta’ donazzjoni ta’ €75,000 mill-Awtorità tal-Ippjanar. 
 
Dan ġie mħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia u l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera waqt żjara li għamlu fis-Sala tat-Tron, fil-Palazz tal-Granmastru. 
 
Il-Ministru Aaron Farrugia qal li l-konservazzjoni tal-wirt kulturali Malti hu parti integrali mill-ippjanar għaliex jagħmel parti mill-patrimonju storiku u arkitettoniku ta’ pajjiżna. Hu qal li “x-xogħol tagħna biex nippreservaw il-wirt kulturali u ambjentali ta’ pajjiżna hu fid-direzzjoni li qed iħaddem il-gvern ta’ ippjanar intelliġenti. L-għan aħħari tagħna huwa li ngħaddu lill-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri tagħna wirt nazzjonali li għandhom għalfejn ikunu kburin bih, flimkien ma’ ambjent naturali san u aktar ħdura fiż-żoni urbani fejn jista’ jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.”
 
Il-Ministru Farrugia żied jgħid li l-Awtorità tal-Ippjanar mhux biss tagħti appoġġ fir-restawr ta’ dan il-wirt kulturali li ilu magħna mijiet ta’ snin, imma tfittex ukoll li tħares lejn dawn l-istrutturi f’kuntest aktar wiesgħa. Huwa qal li riċentement l-Awtorità tal-Ippjanar għenet fir-restawr ta’ torri tal-ilma tal-konkrit li jinsab fiż-żona tal-biċċerija fil-Marsa. Din l-istruttura nbniet fit-tletinijiet u hija kkunsidrata bħala patrimonju ta’ relevanza industrijali f’pajjiżna u struttura unika tax-xorta tagħha fil-gżejjer Maltin.
 
Il-Ministru José Herrera faħħar din l-inizjattiva koordinata minn diversi entitajiet sabiex isir ir-restawr u l-konservazzjoni tal-pitturi mal-ħajt relatati mal-Assedju l-Kbir. Spjega li dan il-proġett se jikkumplimenta l-programm estensiv ta’ restawr li qed isir minn Heritage Malta fil-Palazz tal-Granmastru, b’investiment ta’ €28 miljun. Dan l-investiment juri l-impenn tal-gvern biex jissalvagwardja l-wirt nazzjonali.
 
Dawn l-opri ġew impittra mill-pittur Taljan, Matteo Pérez D’Aleccio (1547 – before 1616), li kien inġieb f’pajjiżna fl-1577 speċifikament biex ipitter pitturi tal-Assedju l-Kbir mill-Granmastru Fra Jean de la Cassière (1572-1581) innifsu. L-Assedju l-Kbir huwa figurat fi 12-il episodju permezz ta’ figuri allegoriċi li jżejnu l-parti ta’ fuq tal-ħajt tal-Kamra tat-Tron fil-Palazz tal-President, u juru l-ġrajjiet differenti li ġraw tul l-erba’ xhur ta’ assedju f’sekwenza narrattiva.
 
Għall-attività attendew ukoll iċ-Chairperson tal-Bord tal-Awtorità l-Perit Vince Cassar, ir-Rettur tal-Università ta' Malta Prof J. Vella, iċ-Chairperson ta’ Heritage Malta Anthony Scicluna, u l-Kap tad-Dipartiment tal-Konservazzjoni u l-Wirt Mibni Prof. JoAnn Cassar.