Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR - Titħabbar l-ewwel skema taħt ‘Green Your Life’, u iktar flus allokati għall-iskema ‘Irrestawra Darek’

Reference Number: PR201923mt, Press Release Issue Date: Oct 07, 2020
Titħabbar l-ewwel skema taħt ‘Green Your Life’, u iktar flus allokati għall-iskema ‘Irrestawra Darek’
​Ippjanar intelliġenti u ekoloġiku għandu ħafna benefiċċji soċjali u l-ispazji ħodor jistgħu jtejbu s-saħħa mentali u fiżika. Hemm ukoll evidenza sostanzjali li n-nies iħossuhom aktar responsabbli għall-ambjent li jgħixu fih jekk dan ikun wieħed aħdar u san, qal il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia. Qal li għalhekk il-gvern se jkun qed iniedi numru ta’ inizjattivi u skemi intiżi biex inħaddru ħajjitna bil-kunċett ‘Green Your Life’.
 
Il-ministru ħabbar l-ewwel inizjattiva b’fondi ddedikati lejn ‘Green Your Home’, skema ffinanzjata mill-Awtorità tal-Ippjanar b’investiment ta’ €2 miljuni biex jitħaddru l-faċċati tad-djar. 
 
L-applikazzjonijiet se jinfetħu fl-1 ta’ Jannar u l-kriterji ta’ eliġibbiltà se jinħarġu fil-ġimgħat li ġejjin. 
 
Din se tkun simili għall-iskema ‘Irrestawra Darek’ li fiha se jsir investiment ieħor ta’ €3 miljuni biex dawk l-applikanti li qegħdin fuq il-waiting list tas-snin li għaddew ikunu jistgħu jibbenefikaw minn din l-iskema. 
 
“Din il-ħidma hija parti mit-tranżizzjoni ekoloġika li pajjiżna għaddej minnha. L-approċċ tagħna kien wieħed differenti fejn mhux biss bqajna għaddejjin bil-ħidma tagħna ta’ regolaturi tal-ambjent, ta’ proġetti ta’ afforestazzjoni u protezzjoni tal-bijodiversità u ż-żoni rurali, imma bdejna nħarsu wkoll lejn żoni urbani bl-għan li ntejbu l-kwalità ta’ ħajja ta’ kulħadd, inklużi fiż-żoni li ngħixu u naħdmu fihom. Nemmen li wasal iż-żmien li ntejbu wkoll l-ambjent li ngħixu fih kuljum, dak li fih l-iktar inqattgħu żmien: fi djarna, fejn naħdmu, l-iskejjel tagħna, it-toroq li ngħaddu minnhom kuljum. Irridu li ż-żoni urbani tagħna jsiru iktar ħodor u rridu nippjanaw b’mod iktar aħdar li mhux biss ta’ benefiċċju għall-well-being tal-bniedem imma huwa bżonnjuż għal ppjanar sostenibbli għaż-żmien li ġej”. 
 
Il-ministru spjega li ppjanar intelliġenti mhux biss ikollu benefiċċji għal kulħadd iżda jista’ jnaqqas it-temperaturi fl-urban u jista’ jevita problemi kkawżati mit-tibdil fil-klima. 
 
Qal li l-Forum Konsultattiv għall-Ippjanar Intelliġenti pprepara studju fuq il-green walls u l-green roofs u semma kemm dawn it-tnejn huma importanti sabiex ikollna ambjent aħjar f’pajjiżna.
 
Spjega li l-green walls, apparti li joħolqu ambjent estetiku aktar ħadrani, jikkontribwixxu wkoll għall-benesseri mentali tal-komunità, jassorbu l-karbonju, iżidu l-livell ta’ ossiġnu fl-arja, inaqqsu t-temperaturi fid-djar fis-sajf u jnaqqsu r-riskju ta’ għargħar filwaqt li jaħdmu bħala pollinaturi.