Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR - Il-falkunerija strumentali għall-bijodiversità, għall-konservazzjoni, l-immaniġġjar tan-natura u l-edukazzjoni

Reference Number: PR201911mt, Press Release Issue Date: Oct 06, 2020
Il-falkunerija strumentali għall-bijodiversità, għall-konservazzjoni, l-immaniġġjar tan-natura u l-edukazzjoni
​Il-falkunerija llum il-ġurnata hija sinonima mal-immaniġġjar u l-konservazzjoni tal-bijodiversità u attivitajiet oħra edukazzjonali li huma relatati, stqarr il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia. 
 
Il-Ministru kien qed jitkellem waqt żjara mill-Malta Falconers Club (MFC), fejn qal li t-tekniċi fil-falkunerija huma użati b’mod wiesgħa fil-konservazzjoni u r-rijabilitazzjoni tal-għasafar tal-priża - għar-ripopolazzjoni u r-rintroduzzjoni ta’ dan it-tajr fl-ambjent naturali tiegħu.
 
Waqt li saħaq dwar l-importanza ta’ proġetti ta’ rijabilitazzjoni u rintroduzzjoni, il-Ministru qal li proċessi bħal dawn diġà qed isiru f’pajjiżna u qed jiġu mgħejjuna, bħall-proċess ta’ rintroduzzjoni tal-barbaġann mill-Federazzjoni tal-Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti(FKNK) fir-Razzett tal-Bagħal fil-Buskett. Proċessi bħal dawn jassistu l-implimentazzjoni tal-Management Plan ta’ siti Natura 2000 bħal dawk tal-Buskett u ż-żona tal-Verdala. Dawn il-proġetti qed jiġu sponsorjati mill-Ministeru u permessi mill-ERA. 
 
Il-Ministru tkellem dwar effetti u użi oħrajn tal-falkunerija, u spjega kif din tista’ tnaqqas l-effetti negattivi minn ċertu attivitajiet tal-bniedem fuq l-abitat naturali li jwasslu għal inqas tibdil fl-abitat jew l-użu ta’ pestiċidi għall-kontroll tal-pesti.
 
Fil-fatt, bejn l-2019 u l-2020 l-ERA diġà approvat diversi proġetti pilota għall-kontroll tal-pesti fuq Kemmuna, biex tinvestiga l-possibiltà li sistemi ta’ kontroll bħal dawn jiġu wżati għall-kontroll fil-popolazzjoni ta’ speċi differenti ta’ pesti fil-Gżejjer Maltin. Dan huwa approċċ aktar proattiv minn dak tal-użu ta’ kimiċi jew ta’ culling.
 
Il-President tal-MCF Lucas Micallef iddeskriva l-falkunerija bħala għodda importanti għall-bijodiversità li tista’ twassal għal effetti pożittivi fuq l-ambjent, l-abitati u l-madwar. Huwa qal li l-eradikazzjoni u l-kontroll tal-pesti tgħin lill-bijodiversità lokali biex tiffjorixxi, bħal dak li qed jiġri f’Kemmuna, u kif ukoll għas-sigurtà pubblika u l-preservazzjoni tal-patrimonju kulturali ta’ pajjiżna. Huwa spjega kif din il-prattika tradizzjonali hija inkluża fil-lista tal-UNESCO tal-Patrimonju Kulturali Intanġibbli tal-Umanità, u hija rikonoxxuta mill-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN) bħala ta’ importanza għall-bijodiversità. Il-falkunerija hija prattika tradizzjonali li għandha wkoll relevanza konsiderevoli fl-istorja ta’ Malta.