Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR

Reference Number: PR201886mt, Press Release Issue Date: Oct 02, 2020
Il Ministru Aaron Farrugia F’diskors waqt ir-raba’ edizzjoni tas-Summit dwar is-Sostennibilità fix-Xlokk tal-Ewropa u fil-Medite
​Is-setturi tal-ekonomija l-blu jlaħħqu mal-15% tal-ekonomija Maltija u jiġġeneraw mas-27,000 impjieg – 83% tal-valur ekonomiku blu f’Malta hu ġġenerat mit-turiżmu kostali, qal il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia. 
 
F’diskors waqt ir-raba’ edizzjoni tas-Summit dwar is-Sostennibilità fix-Xlokk tal-Ewropa u fil-Mediterran, organizzat minn The Economist f’Ateni, il-Ministru qal li Malta, pajjiż imdawwar bil-baħar, tħaddan l-importanza u l-potenzjal tal-benefiċċji li ġġib magħha ekonomija blu sostennibli. Il-Ministru Farrugia kien mistieden sabiex jindirizza s-sessjoni tas-summit dwar l-innovazjoni u l-opportunitajiet għan-negozji fis-setturi tal-ekonomija l-blu.
 
“Hu f’dan il-kuntest li bħala pajjiż identifikajna u klassifikajna 30% tal-ibħra tagħna bħala żoni marini protetti, filwaqt li saħħaħna l-qafas regolatorju u l-kapaċità tal-infurzar tagħna fuq is-setturi tal-akwakultura u s-sajd fost l-oħrajn, permezz ta’ tekonoloġiji moderni għall-moniteraġġ fuq il-baħar”, spjega l-ministru.
 
Il-ministru saħaq li Malta għandha industrija tal-akwakultura b’saħħitha u li f’dawn l-aħħar snin, il-pajjiż irnexxielu jnaqqas il-ħsara ambjentali li kienet qiegħda ssir permezz ta’ djalogu kontinwu u kollaborazzjoni mal-operaturi u n-negozji fis-settur.
 
“Inizjattiva oħra fit-triq lejn ekonomija ċirkolari li se tnaqqas in-numru ta’ fliexken u laned li jispiċċaw fl-ibħra tagħna hi dik li tnediet fil-ġimgħat li għaddew – il-‘Beverage Container Refund Scheme’ – li se twassal biex aktar minn 80% tal-kontenituri tax-xorb fis-suq jinġabru lura permezz ta’ magni apposta li se jkunu mqassma mal-pajjiż kollu.  Intant, il-kampanja kontra l-iskart fl-ibħra, ‘Saving Our Blue’, li żżid l-għarfien dwar il-ħsara ambjentali tal-iskart, speċjalment dak tal-plastik fil-baħar, irnexxielha tibda kollaborazzjonijiet ġodda bejn in-negozji, il-komunitajiet lokali u l-gvern fil-ġlieda kontra t-tniġġis tal-ibħra”, qal il-Ministru Farrugia.
 
F’Ateni, il-Ministru Farrugia ltaqa’ ma’ Kostis Hatzidakis, il-Ministru Grieg għall-Ambjent, kif ukoll ma’ membri oħra tal-kabinett Grieg f’sensiela ta’ laqgħat bilaterali. 
 
Il-Ministru Farrugia spjega li l-pajjiżi li huma dipendenti fuq l-ekonomija l-blu qed jiżviluppaw mudelli ta’ negozju ġodda, jimirħu lejn is-sostennibilità u jibdlu l-mudell ekonomiku tagħhom minn wieħed linejari għal ekonomija ċirkolari.  L-isfidi li qegħdin naffaċċjaw illum huma ċari: it-tniġġis, l-użu mhux sostenibbli tar-riżorsi, tħassib dwar is-sigurtà tal-ikel għal popolazzjonijiet ikbar, u t-tibdil fil-klima b’estremitajiet ta’ temperaturi ġodda. 
 
Huwa qal li l-Kumissjoni Ewropea qed tinvesti f’riċerka u żvilupp innovattiv għal dawk is-setturi li huma meqjusa tal-ġejjieni f’dan il-qasam, bħal dak tal-enerġija rinnovabbli permezz tal-baħar, fosthom bi floating offshore wind farms, enerġija mill-mewġ u panelli solari fuq wiċċ il-baħar. Hu semma wkoll l-industrija tad-disalinizzazzjoni li tuża ħafna enerġija u li se tkun aktar imfittxija u meħtieġa fiż-żmien li ġej minħabba l-iskarsità tal-ilma.    
 
“Li ma nagħmlu xejn mhix għażla li għandna quddiemna.  L-ibħra jipprovdulna nofs l-ossiġnu li għandna bżonn. Il-European Green Deal, il-miri għall-iżvillup sostennibli u l-miri biex nikkumbattu t-tibdil fil-klima jridu jwittulna t-triq lejn ġejjieni ħadrani”, stqarr il-Ministru Farrugia.