Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR - Ippubblikati linji gwida ċari għall-integritá viżwali ta’ bini skedat u l-protezzjoni ta’ monumenti

Reference Number: PR201000mt, Press Release Issue Date: May 27, 2020
Ippubblikati linji gwida ċari għall-integritá viżwali ta’ bini skedat u l-protezzjoni ta’ monumenti
​Se tingħata aktar attenzjoni meta jsir l-assessjar u jiġu determinati proposti għall-iżvilupp li jinsabu viċin ta’ bini skedat jew monumenti, ħabbar il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia.

Dan l-approċċ qed jiġi adottat wara li l-Awtorità tal-Ippjanar ippubblikat linji gwida aktar ċari fuq kif wieħed jidentifika, jinterpreta u jitratta l-kuntest ta’ bini skedat.

Dawn il-linji gwida se jfittxu li jassiguraw l-kuntest ta’ siti li għandhom valur patrimonjali.

Waqt żjara ġewwa Villa Frere, sit li reċentament ingħata protezzjoni ta’ Grad 1 mill-Awtorità tal-Ippjanar, il-Ministru Aaron Farrugia qal li l-kunċett ta’ ippjanar intelliġenti jeħtieġ ukoll li aħna nipproteġu l-binjiet skedati u l-monumenti. “Din hija r-raġuni għaliex qed inniedu dawn il-linji gwida lill-ħaddiema, il-Bord, il-Kummissjoni u l-case officers sabiex jirreferu għalihom meta jasal il-waqt li jieħdu d-deċiżjonijiet. Ħafna drabi dawn is-siti għandhom valur storiku marbut magħhom. Dan il-patrimonju għadda għandna mingħand missirijietna u huwa l-obbligu tagħna li ngħadduh lill-ġenerazzjonijiet futuri. L-ippjanar intelliġenti huwa ppjanar li jħares ‘il quddiem”, qal il-Ministru Farrugia.

Meta jsir assessjar mid-Direttorat għall-Ippjanar fuq applikazzjonijiet ta’ żvilupp li jinsabu viċin ta’ bini skedat jew monumenti, id-Direttorat għandu jara waqt l-istadju ta’ screening li l-iżvilupp mhux qed isir fil-viċinanza ta’ bini skedat, jagħmel assessjar dettaljat fuq l-impatt tal-iżvilupp propost fuq il-bini protett u jidentifika miżuri ta’ mitigazzjoni li jistgħu jittieħdu. Dan il-proċess ta’ assessjar irid jiġi sustanzjat b’rakkomandazzjonijiet mis-Sovrintendenza għall-Wirt Kulturali (SCH).

Malli l-kuntest jiġi stabbilit fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-SCH, l-applikant jintalab jipprovdi inventarju fotografiku dettaljat flimkien ma’ ‘character appraisal’ lid-Direttorat tal-Ippjanar.

Sabiex isir assessjar aktar dettaljat tal-implikazzjonijiet viżwali u ta’ impatti potenzjali oħrajn fuq il-binja skedata, photomontages minn punti strateġiċi ser jiġu mitluba ukoll.

L-SCH għandha d-dritt li titlob li d-drawings provduti jkunu jinkludu ukoll streetscapes li juru dettall sħiħ ta’ bini li jinsab fil-viċinanza u ta’ street levels eżistenti. Dawn l-istreetscape elevations għandhom jinkludu ukoll side streets meta dawn is-siti għall-iżvilupp ikunu jinsabu f’kantuniera.

Id-diżinn arkitettoniku propost għandu jirrispetta ukoll il-kuntest tal-madwar u li jitwaħħad mal-bini tal-madwar. L-HPU ser tevalwa dawn il-każi qabel jiġi determinat li s-sottomissjoni tissodisfa il-kriterji relevanti sabiex issir evalwazzjoni adegwata meta din tiproċessa kwalunkwe informazzjoni li titqies neċessarja.

Ic-Chairperson tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Martin Saliba qal, “Kull bini skedat għandu jittieħed fil-kuntest partikolari tiegħu. Għalekk, l-ambjent tal-madwar huwa parti essenzjali tal-binja nnifisha u kif din tiġi esperjenzata.” Huwa żied jgħid li, “għal din ir-raġuni, l-kuntest tal-ispazju jeħtieġ li jingħata l-attenzjoni. Dawn il-linji gwida proċedurali ser ikunu qed jispjegaw aħjar kif l-Awtorità ma tixtieqx tilħaq kompromessi mal-protezzjoni ta’ bini skedat.”