Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR Pjan biex is-settur tal-iskart tal-kostruzzjoni jiġi rregolat fit-tul u b’mod sostenibbli

Reference Number: PR200770mt, Press Release Issue Date: Apr 28, 2020
 
Pjan biex is-settur tal-iskart tal-kostruzzjoni jiġi rregolat fit-tul u b’mod sostenibbli
 
Il-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar flimkien mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ħadmu matul l-aħħar ġimgħat biex bħalma sar riċentament f’setturi oħra, iniedu pjan li permezz tiegħu jirregolaw suq ieħor, din id-darba dak tal-barrieri u tal-iskart tal-kostruzzjoni.
 
L-intervent sar fid-dawl li s-suq ma ħadimx kif mistenni, b’konsegwenzi li l-barrieri li pajjiżna għandu ma kinux qed jilqgħu l-ammont kbir ta’ skart iġġenerat minn proġetti infrastrutturali tal-gvern u bil-prezz offrut, spjega l-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia. 
 
L-eżerċizzju sar fuq żewġ livelli: laqgħat individwali ma’ numru kbir ta sidien tal-barrieri kif ukoll mal-Malta Developers Association (MDA) li tirrappreżenta l-maġġoranza tagħhom bil-għan li tiffaċilita d-diskussjoni.
 
Fl-aħħar sigħat, il-ministeru u l-ERA waslu għal ftehim mal-MDA, li jirrappreżentaw il-maġġoranza ta’ dawn is-sidien, bil-ftehim ikun li s-sidien jingħataw eżenzjoni ta’ taxxa li biha jiġu ntaxxati 5% biss bil-kundizzjoni li jilqgħu l-materjal bit-€12 kull tunellata. 
 
Dawn il-miżuri se jgħinu biex l-ERA tibda minnufih taħdem biex tirregola din l-industrija u biex jiddaħħlu prattiċi u impjanti għar-riċiklar. Hawn ukoll se ssir ħidma biex il-ġebla tiġi użata iktar minn darba taħt il-kunċett ta’ reduce, reuse, recycle.
 
Miżura oħra se tkun li fil-proċess ta’ commencement notice fil-proċess ta’ permessi ta’ żvilupp, irid ikun identifikat is-sit ta’ fejn se jintrema l-iskart mill-iżviluppatur. Kundizzjonijiet f’kuntratti għall-użu tal-barrieri, f’permessi ta’ operat u ta’ użi se jkunu skrutinati u infurzati mill-entitajiet responsabbli b’kordinament bejniethom. Dan għandu jagħti futur sostenibbli lill-industrija.
 
Il-ministru jtenni li llum il-ġurnata l-gvern għad għandu l-possibilità li jordom materjal nadif li ġej minn din l-industrija (inert waste) fil-baħar f’sit speċifiku fl-ibħra territorjali ta’ pajjiżna. Dan is-sit li kien ġie identifikat fis-snin 60, intuża kemm-il darba fil-passat bl-iktar każ riċenti jkun skart tal-kostruzzjoni primarjament mis-settur privat ta’ proġetti qrib il-kosta.  
 
Il-ministru jerġa’ jtenni li filwaqt li din hi għażla li għandu quddiemu u li jista’ jieħu, il-ħidma li saret fl-aħħar ġimgħat wasslet biex l-għażla preferuta, jiġifieri li l-materjal imur fil-barrieri li għandu pajjiżna, tibqa’ dik implimentata.
 
B’kuntrast għal gvernijiet preċedenti, li mhux biss abbużaw iżda fallew milli jirregolaw settur importanti, dan il-gvern qed jieħu deċiżjonijiet kuraġġużi u jagħti r-riżultati li l-poplu jistenna.