Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR

Reference Number: PR200643mt, Press Release Issue Date: Apr 09, 2020
 
Inħaddru pajjiżna: tnedija ta’ proġetti ambjentali 
 
L-ibliet u l-irħula Maltin u Għawdxin se jibdew jiġu mħaddra f’inizjattiva mill-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar bl-iskop li jittejjeb l-ambjent fiiż-żoni li fihom jgħixu u jaħdmu r-residenti ta’ pajjiżna.  
 
L-ewwel fażi tal-proġett se tkun qiegħda tinħadem mal-ewwel sett ta’ kunsilli lokali li se jingħataw fondi mill-Ministeru biex jimplimentaw numru ta’ proġetti ta’ tħaddir ta’ pajjiżna. Din il-ġimgħa ġew iffirmati MOUs mal-kunsilli tal-Qala, Tas-Sliema, il-Gudja, Ħaż Żebbuġ u l-Ħamrun. 
 
Diversi toroq, pjazez u spazji pubbliċi oħra li huma neqsin mill-ħdura u l-benefiċċji fiżiċi u psikoloġiċi li jġibu magħhom is-siġar u xtieli ġew magħżula mill-kunsilli lokali nfushom. L-ispeċji ta’ xtieli li se jkunu qed jintużaw huma b’rispett għal-linji gwida maħruġa mill-Awtorità għar-Riżorsi u l-Ambjent (ERA) u huma xierqa għas-siti proposti, b’taħlita ta’ xtieli indiġeni u barranin li eventwalment ikunu kapaċi jgħixu fil-kundizzjonijiet klimatiċi ta’ pajjiżna. 
 
Il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia qal li wasal iż-żmien li niffukaw fuq kif se ntejjbu l-ambjent fil-komunità. Filwaqt li tajjeb u sabiħ li jkollna żoni fin-natura li l-familji tagħna jkunu jistgħu jżuru, rridu naraw li jkollna żoni ħodor oħra fil-qalba tal-lokalitajiet tagħna. Il-Ministru Farrugia enfasizza li “dawn il-proġetti huma l-ewwel pass ta’ viżjoni ħolistika fis-settur ambjentali, u jien kommess li nkompli naħdem favur bidla fil-mentalitá f’dan ir-rigward.”
 
Apparti mit-tisbieħ tal-lokalitajiet Maltin u Għawdxin, dawn is-siġar u arbuxelli se jkunu ta’ benefiċċju għall-komunità bl-ippurifikazzjoni tal-arja tal-madwar. Fl-istess waqt, dawn is-siġar se jkunu qed jagħtu rifuġju lil numru ta’ għasafar u insetti fil-gżejjer tagħna. 
 
“Dan hu biss l-bidu. Irridu nagħmlu rivoluzzjoni ħadra fil-pajjiż”, temm il-Ministru Farrugia.